Erbgħin dar tal-anzjani privati, tal-knisja u tal-Gvern se jibbenefikaw minn għotja ta’ żewġ miljun ewro għas-sehem instrumentali tagħhom waqt il-pandemija tal-COVID 19. Dan hekk kif kienu bosta d-djar li għamlu spejjeż addizzjonali biex jipproteġu r-residenti fi ħdanhom.
B’kollox se jintlaqtu ħamest 1,600 anzjan minn din l-għotja.
Miljun u sitt mitt elf ewro mis-somma totali se jingħataw lil 22 dar li fihom joqogħdu madwar tlett elef u ħamsin anzjan.
Il-bqija tas-somma se tinqasam bejn tmintax-il dar oħra li m’għamlux użu minn lockdown sabiex ikunu t’għajnuna għall-ispejjeż addizzjonali li kellhom isiru tul il-pandemija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon faħħar il-ħaddiema f’dawn ir-residenti għax-xogħol impekkabbli li għamlu tul iż-żmien ta’ sfida.
Il-Ministru Falzon spjega: “Ħarisna lejn l-anzjani tagħna illi nibqa’ ngħid dejjem jixraqilhom ikollhom l-aħjar. Illum irrikonoxxejna is-sehem ta’ dawk li għenuna biex f’pajjiżna ma jkollniex mewt waħda fid-djar tal-anzjani bħala riżultat ta’ COVID-19.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis stqarr li din l-għotja hija turija ta’ rikonoxximent għall-impenn ta’ dawn id-djar b’mod speċjali tul l-aħħar xhur.
Huwa sostna: “Kburi li kellna r-riżultati li kellna. Illum tajna, qassamna żewġ miljuni lid-djar tal-anzjani u lir-residenza ta’ San Vinċenz bħala rikonoxximent u ringrazzjament tax-xogħol kbir li għamlu u tar-riżultati li kellna.”
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù temm jgħid li l-Gvern ħass il-bżonn li jirrikonoxxi l-isforz ta’ dawn id-djar li kien grazzi għalihom ukoll li kellna r-riżultati li kellna llum.