F’Malta u Għawdex preżentament għandna erbgħin ċentru minn fejn in-nies qed jiġu mlaqqma kontra l-Covid-19.
Tħabbar dan waqt żjara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana għamlu fiċ-ċentru ġdid tat-tilqim fl-MCAST f’Raħal Ġdid.
Hawnhekk il-Ministru għas-Saħħa spjega li l-għan tal-Awtoritajiet tas-Saħħa huwa li kemm jista’ jkun malajr, numru kbir ta’ nies li jkunu ħadu l-vaċċin.
B’hekk il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Maltija tilħaq l-immunità għall-virus sal-aħħar tas-Sajf.
Qal kif, “F’dawn il-ġranet ftaħna numru ta’ ċentri kbar ta’ tilqim fosthom tal- MCAST kif ukoll ċentru oħrajn madwar Malta u Għawdex biex b’hekk inkomplu t-tilqim kollu li jasal f’Malta intuh lill-popplu tagħna. Irridu nibqgħu attenti, dixxiplianti u responsabbli sa kemm inkunu laqqamna biżejjed nies imma mexjin fid-direzzjoni t-tajba u dan il-maltemp jgħaddi minn fuqna.”
Minbarra ċ-ċenru kbir ta’ tilqim fl-MCAST u ieħor fl-Università ta’ Malta, hemm ukoll ċentru fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u ċentru fil-Barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa.
Min-naħa tagħħa l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-Ministeru qed jaħdem b’sinerġija sħiħa mal-Ministeru għas-Saħħa fil-kampanja ta’ tilqim nazzjonali, fejn qed jiġu offruti wkoll postijiet tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.