40 sena ilu, John Lennon, membru fil-grupp popolari Ingliż minn Liverpool The Beatles, inqatel kiesaħ u biered barra daru minn ammiratur tiegħu, Mark David Chapman.
Lennon dak iz-zmien kellu40 sena u nqatel b’erba’ tiri ġo dahru waqt li hu kien dieħel flimkien ma’ martu Yoko Ono fir-residenza tagħhom fil-belt ta’ New York, l-Istati Uniti. Qabel ma’ Chapman spara ħames tiri lejn il-kantant li kien jammira u li għalih ivvjaġġa minn Hawaii, huwa talbu biex jiffirmalu l-album Double Fantasy.
Chapman kien ilu jippjana l-qtil ta’ John Lennon għal diversi xhur u skontu, il-motiv kienet ir-rabja li ħass għall-kummenti li kien għadda Lennon, meta fost l-oħrajn qal li l-grupp The Beatles huma aktar popolari minn Ġesù; kif ukoll għal-lirika tal-kanzunetti God u Imagine. Il-qattiel kien ingħata sentenza t’20 sena ħabs, u ġie mċaħħad mill-parole għal 11-il darba.
Il-kantant leġġendarju kien ittieħed l-isptar b’urġenza f’karozza tal-pulizija, iżda kien ikkonfermat mejjet hekk kif wasal l-isptar.
Hekk kif bdiet tiġri l-aħbar mijiet ta’ nies rħewlha quddiem l-appartament li fih kien jgħix u nqatel Lennon.
F’intervista, Yoko Ono kienet sostniet li l-ispirtu ta’ John Lennon ma jmut qatt.
Kliem li huwa minnu hekk kif 40 sena wara, huwa baqa’ ħaj fil-lirika li kiteb u fil-kanzunetti li kanta hekk kif il-grupp The Beatles għadu jgawdi l-popolarità anke fost dawk li huma żgħar fl-età.