Keith Gravina ta’ 41 sena ġie kkundannat erba’ snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li fl-2018 sawwat mara fid-dar tagħha stess waqt li kienet rieqda fost akkużi oħra.
L-akkużat kien ikkundannat tliet snin ħabs talli kkaġuna ġrieħi gravi lill-mara u ngħata sentenza oħra ta’ 18-il xahar ħabs fuq żewġ reati separati.
F’każ ieħor separat, Gravina jinsab akkużat li aggredixxa mara oħra f’Ottubru li għadda u weġġagħha serjament wara li laqatha b’ħadida u żammha kontra r-rieda tagħha.
Matul is-seduti, il-Qorti semgħet kif Gravina kien fl-appartament tal-vittma f’Birkirkara fis-sigħat bikrin tat-13 ta’ Settembru. Fix-xhieda tagħha, il-vittma qalet li Gravina kien imur ta’ spiss fil-bar fejn kienet taħdem qabel fetħet il-kafetterija tagħha stess. Dakinhar tal-aggressjoni, Gravina kien fil-kafetterija tal-vittma ma’ persuna oħra sa xħin għalqet. Imbagħad iddeċidew li jkomplu jmorru jixorbu fl-appartament tagħha.
Wara ftit ħin iddeċidiet li tmur torqod u ħalliet lil Gravina fl-appartament. Xehdet li waqt li kienet rieqda, Gravina taha daqqa ta’ ponn, neħħilha ħwejjiġha u pprova joqtolha b’extention.
Il-Qorti semgħet kif il-vittma ġġieledet lura u għajtet għall-għajnuna. Sadanittant, ħabib tal-imputat ċempel lill-pulizija.
Meta l-uffiċjali tal-pulizija waslu qrib l-appartament, lemħu raġel għaddej jaħrab minn fuq il-post.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li m akien hemm l-ebda dubju li l-imputat kien ħati.