Roderick u Errol Grech li huma aħwa ngħataw sentenza ta’ erba’ snin ħabs wara li fil-Qorti nstabu ħatja li taw in-nar lill-karozza ta’ ħuhom.
Il-każ seħħ fil-ħamsa ta’ Marzu tas-sena li għaddiet għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ filgħodu wara argument familjari.
Fil-Qorti ntqal li diversi membri ta’ din il-familja għadhom rekord kriminali.
Roderick Grech instab ħati li hu riċediv wara li fl-elfejn u erbatax kien instab ħati li attakka lil ħuh Errol.
Filwaqt li dan tal-aħħar kien instab ħati li uża vjolenza fil-konfront ta’ ħuh Roderick u missieru, kif ukoll b’serq aggravat u m’obdiex ir-regoli tas-sewqan.
Il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia nnutat kif il-vittma ried iwaqqa’ l-akkużi kontra ħutu, iżda dan ma kienx possibbli. L-Ispettur Trevor Micallef xehed li l-vittma kien imbeżża’ miż-żewġ ħutu.
Iż-żewġ akkużati ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti qieset l-evidenza u sabet liż-żewġ imputati ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom għaliex il-motiv kien wieħed kapriċċuż għax riedu iweġġgħu nies oħra b’mod partikolari qraba tagħhom.
Meta tat is-sentenza ta’ erba’ snin ħabs, il-Maġistrat Lia qieset ukoll il-gravità tar-reat u qalet li l-akkużati ma kellhomx dritt jieħdu l-liġi b’idejhom.