Żagħażugħ ta’ 25 sena ngħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li seraq minn ħanut tal-‘Convenience’ f’Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ fis-16 ta’ April 2019, meta Shamison Stafrace daħal fil-ħanut armat b’mus, żamm lill-kaxxiera kontra l-volontà tagħha, darab mara li kienet qed tixtri dak il-ħin, u seraq €330 fi flus kontanti.
Iż-żagħżugħ kien ma’ xi ħadd ieħor, u t-tnejn kienu libsin barnuża meta daħlu jisirqu. Madankollu, il-kaxxiera rnexxielha tiġbidlu l-barnuża b’mod li dehru xi tpinġijiet li għandu f’għonqu. F’dan il-mument, il-persuna li kienet ma’ Stafrace waddbet xkaffa lejn il-kaxxiera u wara li serqu l-flus it-tnejn li huma ħarbu minn fuq il-post.
Ħaddiem tal-Aġenzija Sedqa xehed li ż-żagħżugħ kien ilu taħt osservazzjoni għal dawn l-aħħar erba’ snin, minħabba li jabbuża mid-droga.
Mill-kundanna ta’ erba’ snin ħabs li ngħatat lill-imputat, se jitnaqqas kull żmien li għamel taħt arrest preventiv. Minbarra s-sentenza, irid iħallas €776.39 fi spejjeż tal-Qorti u jrid irodd lura l-flus li seraq.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Qorti qieset li l-imputat għandu problema tad-droga u għadda minn ħafna f’ħajtu. Qieset ukoll li din mhux l-ewwel darba li xellef difru mal-ġustizzja. Il-Maġistrat Joe Mifsud innota li l-imputat ingħata diversi opportunitajiet biex jibdel ħajtu u jieħu l-għajnuna li kien hemm bżonn. Madanakollu, il-Qorti qieset li m’għamilx l-almu tiegħu kollu biex huwa jaffaċċja l-problemi tiegħu u jibdel triqtu. Ġie innotat li waqt dawn il-proċeduri, l-istess imputat tilef il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest propju għaliex ma segwix l-ordnijiet tal-Qorti.
Il-Maġistrat innota li filwaqt li l-ammont misruq ma kienx ammont kbir, dan ma jagħmilx il-każ anqas serju. Filwaqt li nnota li ż-żagħżugħ werwer lill-ħaddiema u weġġa’ lil xi ħadd, osserva li fl-aħħar mill-aħħar apparti, il-Qorti trid tara li tipproteġi lis-soċjetà in ġenerali apparti li ssir ġustizzja.