Tony Zammit, ta’ 44 sena minn Ħal Qormi ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li seraq ġiżirana minn għonq anzjana ta’ 82 sena.
Il-każ imur lura għall-25 ta’ April li għadda fil-Ħamrun.
Huwa ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu minn żewġ maġistrati marbuta ma’ każijiet passati tal-imputat.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, Zammit ammetta u skuża ruħu iżda irrifjuta li jrodd lura l-ġiżirana lill-anzjana.
Il-Maġistrat innotat il-fedina penali ikkulurita tiegħu li tvarja b’kundanni minn pussess u traffikar ta’ droga sa ksur fil-liġijiet tas-sewqan.
Hija rrimarkat il-fraġilità tal-vittma tas-serqa li timxi bil-bastun, kif urew filmati minn kameras tas-sigurtà li ġabu wkoll lill-imputat jiġri għal warajha, jqaċċtilha l-ġiżiriana u jaħrab.
Zammit irrifjuta wkoll li jħallas kumpens ta’ elf ewro lill-vittma, b’din tal-aħħar stqarret li riedet biss li jroddilha l-ġiżirana li għandha valur sentimentali wara li tajhiela żewġha, illum mejjet.
B’hekk invista ta’ kollox, l-Maġistat barra li kkundannati erba’ snin ħabs ordnat li l-imputat ikollu sitt elef ewro kkonfiskati f’depożiti u garanziji personali fuq każijiet preċedenti u li jħallas l-elf ewro lill-vittma.