Attakk b’martell li ħalla mara midruba serjament wassal biex l-aggressur tagħha ingħatat sentenza ta’ erba’ snin ħabs.
Charlene Gatt, ta’ 37 sena minn San Pawl il-Baħar, instabet ħatja li kkaġunat ġrieħi gravi fl-attakk li seħħ fit-28 ta’ Novembru 2018 fi Triq iċ-Ċern, San Pawl il-Baħar.
Il-vittma qalet lill-pulizija li kienet qed tipparkja l-karozza tagħha wara li ġabret lil binha u lil ħabib tiegħu mill-iskola. Gatt ħarġet minn darha u resqet lejn il-vettura, b’martell tal-laħam f’idejha.
Il-vittma rrakkontat li Gatt fetħet il-bieba ta’ wara tal-karozza u pprovat tkaxkar lit-tifel ta’ sitt snin ‘il barra. B’xi mod, il-vittma rnexxielha tagħlaq il-bieb, qabel Gatt laqtitha fuq daharha bil-martell, tatha daqqa ta’ ponn f’wiċċha, gidmitha, ġibdigilha xagħarha u beżqet f’wiċċha.
Il-vittma qalet li meta staqsiet għala kienet tattakkaha, Gatt wieġbet “hekk irrid nagħmel, għax int tieħu pjaċir bl-isfortuna ta’ ħaddieħor.”
Il-vittma ċaħdet li qatt tat fastidju lill-imputata, li eżerċitat id-dritt tagħha għas-silenzju waqt l-interrogazzjoni. Il-Qorti osservat li l-imputata kellha xejn inqas minn 20 kundanna preċedenti, fosthom diversi għal reati relatati mal-prostituzzjoni, kif ukoll frodi u diversi ksur ta’ ordnijiet ta’ probation u kundizzjonijiet ta’ pleġġ.
Il-Qorti nnotat li Gatt, li bħalissa qed tiskonta sentenza ta’ ħabs b’rabta ma’ inċident vjolenti separat li ħalla persuna oħra feruta serjament, attakkat lill-vittma “mingħajr l-iċken provokazzjoni,” u kkundannatha erba’ snin ħabs u erba’ xhur talli kisret l-ordni ta’ probation tagħha.