Tmien persuni oħra fiequ mill-Coronavirus f’Malta, biex issa l-ammont totali ta’ persun mfejqa jgħodd id-99. Fl-istess ħin minn fost aktar minn fost 972 test li saru fl-aħħar 24 siegħa, erba’ persuni rriżultaw fil-pożittiv.
Dan ikkonfermatu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjegat li issa t-total ta’ każijiet ikkonfermati jlaħħaq l-426. “Jekk minn dawn il-426 każ inneħħu dawk li fiequ u t-tliet imwiet li kellna, ikollna dawk il-każi li huma attivi u nfettivi fil-komunità iżda jkunu wkoll f’iżolament. Hekk għandna 324 każ attiv. It-total ta’ testijiet li għamilna s’issa huwa ta’ 23,253”, spjegat il-Professur Gauci.
Taljan ta’ 34 li jgħix Malta ħa l-virus wara li kellu kuntatt ma persuna infettata, li rrizultat fil-pożittiv għal COVID-19 il-Ġimgħa. Il-Professur Gauci qalet li dan il-pazjent kellu kuntatt biss ma’ persuna li tgħix miegħu.
Tlieta mill-każijiet ikkonfermati s-Sibt huma residenti fiċ-ċentru l-miftuħ f’Ħal Far li bħalissa jinsab kollu kemm hu taħt kwarantina. Dawn jinkludu Sudaniż ta’ 28 sena, u żewġt irġiel mill-Bangladesh ta’ 24 sena u 18-il sena rispettivament. Hawnhekk il-Professur Gauci qalet li l-awtoritjiet tas-saħħa għadhom qed isegwu dan iċ-ċentru biex jibqgħu jinstabu l-każijiet pożittivi u jkunu kkontrollati.
Dwar il-kundizzjoni medika tal-każijiet l-attivi bħalissa kien spjegat li ammont sostanzjali tal-pazjenti setgħu jibqgħu jinżammu d-dar wara li rriżultaw fil-pożittiv. Hija qalet li “hemm persuni baqgħu jinżammu d-dar anke wara li fiequ u għadda l-perjodu ta’ kwarantina. Għandna numru ta’ persuni li qed jinżammu l-isptar u tnejn min-nies li qegħdin l-ITU u jinsabu f’kundizzjoni medika tajba”.
Il-Professur Gauci temmet tinnota li għalkemm għal darb’oħra kellna numru żgħir ta’ każijiet pożittivi tal-marda, dan mhux garanzija li l-pajjiż laħaq il-quċċata tal-pandemija, u għalhekk reġgħet appellat għall-kawtela:
“Qed ikunu numri żgħar għax qed nikkontrollaw is-sitwazzjoni. Nafu xorta li għad hemm trażmissjoni lokali fil-komunità u importanti li nsegwu s-sitwazzjoni u noqgħodu d-dar ħlief għal dak li huwa veru ta’ bżonn”.