Il-Federazzjoni Maltija għall-Prodotti tal-Akwakultura laħqet ftehim ma’ 4 minn 5 operaturi tal-industrija tat-tonn, lkoll Maltin, li se jirregola l-proċeduri ta’ bejniethom fil-perjodu ta’ bejn Awissu u l-aħħar ta’ Ottubru biex ikollna baħar nadif. Il-Federazzjoni laħqet dan il-ftehim wara li semgħet l-ilmenti tan-nies u l-isfida li għandu l-Gvern li jżomm bilanċ bejn l-industrija u l-pubbliku.
Fil-perjodu li jkunu qed jaghlfu l-ħut, l-operaturi għandhom jassiguraw li jaddottaw l-aqwa u l-aħjar proċeduri b’rispett sħiħ lejn l-ambjent fosthom li kull operatur jassigura li jpoġġi l-booms ma’ kull gaġġa biex jilqa’ kull tip ta’ żejt li jista’ joħroġ mill-alf, u li kull operatur ikollu dgħajsa biex ddur mal-gaġġeġ u tiġbor kull tip ta’ materjal.
Fl-isress ħin, l-alf għandu jiġi ttrasportat u proċessat skont l-aqwa prattiċi ambjentali inkluż anke booms mad-dgħajsa waqt li dan ikun qed jiġi mgħobbi minn fuq il-kosta, u jkun hemm żewġ dgħajjes iduru mal-kosta u jiġbru kull tip ta’ skart mormi fil-baħar. Il-Federazzjoni għandna wkoll id-dritt li taġġorna lill-pubbliku b’kollox dwar dan il-ftehim.
Il-Ftehim ġie ffirmat f’Tokyo fil-Ġappun waqt li l-operaturi kienu qed jieħdu sehem fit-trade mission organizzata minn Trade Malta li qed takkumpanja lill-Prim Ministru.
L-operaturi firmatarji ta’ dan il-ftehim huma s-soċjetajiet AJD Tuna Limited, Fish and Fish Limited, Malta Mariculture Limited u MFF Limited.
Intant, il-Ministeru għall-Ambjent qed jinvestiga diversi rapporti ta’ tniġġis fil-baħar f’Marsaskala. Bħalissa uffiċjali mill-ERA qed jispezzjonaw is-sit biex tkun magħrufa l-kawża tat-tniġġis u tittieħed azzjoni mill-Gvern.