L-Indja ppubblikat lista li wasslet biex mal-4 Miljun persuna tilfu ċ-ċittadinanza mill-Istat Indjan ta’ Assam.
L-hekk imsejjaħ Reġistru Nazzjonali taċ-Ċittadini, l-NRC, huwa lista ta’ persuni li setgħu juru provi li ilhom jgħixu fl-Istat mill-24 ta’ Marzu 1971, eżatt jum qabel l-Indipendenza tal-Bangladesh.
Il-proċess li sar dan l-aħħar u li wassal biex dawn l-4 Miljun persuna jitilfu ċ-ċittadinanza sar biex ikunu identifikati immigranti llegali mill-Bangladesh. Minkejja dan, uffiċjali Indjani sostnew li bħala prekawzjoni kontra xi attentati vjolenti, ħadd mhu se jkun deportat. Minflok, l-Istat se jiskatta proċess legali twil li jiddetermina l-istatus legali ta’ dawn il-persuni.