Erba’ rġiel inżammu arrestati wara li ġew akkużati separatament lwara li nstabu madwar 15-il kilogramma sustanza suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €2 miljun.
Dan hekk nhar it-Tlieta kif wara investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija, ġie ċċirkondat garaxx f’San Pawl il-Baħar
L-akkużati huma Mark Andrew Muscat ta’ 43 sena minn San Ġwann, Gordon Schembri ta’ 37 sena mill-Furjana, kif ukoll żewġ Taljani Alfio Rosario Cosimo Aiello ta’ 31 sena u Santo Benito Reina ta’ 33 sena.
Ilkoll ġew mixlija li jagħmlu parti minn organizzazzjoni tat-traffikar tad-droga u nstabu b’pusses aggravat tad-droga mhux għall-użu personali tagħhom.
Gordon Schembri ġie mixli wkoll li saq vettura tat-tip Honda b’mod perikoluż u traskurat, li ma obdiex ordinjiet tal-Pulizija u wettaq ir-reati waqt li meta f’każ separat ingħata sentenza sospiża.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca spejgat kif nhar it-Tlieta, il-Pulizija bdiet tagħmel ronda fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar wara rċevew informazzjoni dwar ftehim tad-droga li kellu jsir f’Buġibba.
Hawnhekk lemħu mutur aħmar irreġistrat f’isem omm Schembri misjuq minn Mark Andrew Muscat. Il-mutur waqaf ħdejn Fiat bi pjanċi b’numri Taljani. Raġel ħareġ mill-vettura u ta borża safra lil Muscat.
Kien f’dan il-ħin li l-Pulizija intervjenew u arrestaw liż-żewġ persuni. Meta qabdu l-borża, fiha sabu ħames blokok kokaina.
Wara dawk l-ewwel arresti, Schembri ġie arrestat ftit wara, fir-residenza tat-tfajla tiegħu fil-Gżira.
L-erbgħa akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
L-ewwel li tressaq il-Qorti kien Muscat, fejn l-avukat tiegħu, Edmond Cuschieri, talab il-ħelsien mill-arrest, u argumenta li l-akkużat ikkopera mal-pulizija.
Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba mhux biss minħabba l-gravità tal-każ iżda wkoll minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Aiello u Reina, it-tnejn minn Katanja, ma għamlu l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Schembri, li tressaq il-Qorti l-aħħar, għażel li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija dwar id-dettalji personali tiegħu. Huwa wieħeb biss li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ ffriżar tal-assi fil-konfront tal-imputat. Fil-każ ta’ Schembri ma saret l-ebda talba għal libertà proviżorja u nżamm ukoll arrestat.