Erbat irġiel u tfajla ta’ sittax-il sena tressqu l-Qorti mixlija b’serq ta’ karozza Porsche Cayenne SUV, bl-istess karozza hija propjetà ta’ missier it-tfajla akkużata.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, l-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia xlew lit-tfajla li serqet il-karozza u li ffrodat lil missierha.
L-avukati tat-tfajla għarrfu lill-Qorti li se twieġeb ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha u talbu biex titqiegħed taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja sakemm jitlesta r-rapport ta’ qabel l-qtugħ tas-sentenza.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-proċeduri jgħaddu quddiem il-Qorti tal-minorenni għaliex it-tfajla għandha inqas minn 17-il sena.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża mmexxija mill-avukat Josè Herrera u Martina Herrera biex it-tfajla tingħata l-ħelsien mill-arresta fuq garanzija personali ta’ €10,000 filwaqt li ordnat lit-tfajla biex ma tkellem l-ebda vittma bl-eċċezzjoni ta’ missierha u li tiffirm l-għassa tal-Pulizija.
Intant, l-erbat irġiel ġew mixlija bl-involviment fis-serqa tal-istess karozza u numru ta’ serqiet oħrajn. Wieħed mill-imputati wieġeb ħati filwaqt li t-tlieta l-oħra wieġbu mhux ħatja. Għall-imputat li wieġeb ħati, il-Qorti se tagħti s-sentenza fil-jiem li ġejjin, filwaqt li għat-tliet irġiel ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.