Il-UEFA kkonfermat li se jibdew proċeduri dixxiplinari wara l-inċidenti li ħolqu partitarji t-Tlieta filgħaxija fis-Centenary Stadium, f’Ta’ Qali.
Ma’ ONE News, id-Dipartiment tal-Komunikazzjoni tal-UEFA ikkonferma li nfetħu proċeduri fejn se jkunu qed jinħarġu erba’ akkużi kontra t-tim Iżraeljan ta’ Maccabi Haifa FC u tnejn oħra kontra t-tim Malti ta’ Ħamrun Spartans FC.
Fi stqariija, li ġiet ippubblikata l-Erbgħa filgħaxija, il-UEFA ddikjarat li Maccabi Haifa FC jinsabu akkużati li ssuttaw oġġetti fil-grawnd, xegħlu materjal pirotekniku, li kkawżaw ħsara u li fixklu l-folla.
Min-naħa l-oħra, Ħamrun Spartans FC qed jiġu akkużati li waddbu wkoll affarjiet u li fixklu l-folla.
Ingħad li l-EFA Control, Ethics and Disciplinary Body (CEDB) tal-UEFA se tkun qed tiddeċiedi fiż-żmien li ġej.
Waqt li nhar it-Tlieta filgħaxija kienet qed tintlagħab il-logħba mill-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League f’Ta Qali, il-Pulizija kellhom jintervjenu fuq partitarji Iżraeljani wara li ħolqu periklu bit-tfigħ ta’ numru ta’ flares fil-grawnd u fid-direzzjoni ta’ partitarji ta’ Ħamrun Spartans fejn inqalgħet kommossjoni sħiħa u l-logħba ġiet sospiża għal madwar nofs siegħa.
L-Erbgħa, żewġ Iżraeljani ttellgħu l-Qorti fejn ammettew l-akkużi kontrihom u ġew ikkundannati sentenza ta’ sena ħabs sospiża u multa ta’ €300 kull wieħed.
Sadanittant Ħamrun Spartans FC talbu biex il-logħba tat-tieni leg, li hi skedata għal nhar it-Tlieta li ġej f’Haifa, Iżrael, issa ssir f’pajjiż ieħor newtrali kemm minħabba l-inċidenti li seħħew f’Ta’ Qali kif ukoll minħabba s-sitwazzjoni politika f’Iżrael stess. Il-klabb Malti qal li hu wkoll lest jikkonsidra li ma jilgħabx din il-logħba.