Malta Public Transport ġarret 4.5 miljun passiġġier fl-ewwel xahar tal-2023, u din tfisser żieda ta’ 59% meta mqabbel ma’ Jannar 2022, u żieda ta’ 17% meta mqabbel ma’ Jannar 2019. Dan huwa t-tieni xahar konsekuttiv fejn in-numru ta’ passiġġieri qabeż dawk ta’ qabel il-pandemija.
“Dawn ir-riżultati pożittivi huma evidenza ċara li aktar u aktar passiġġieri qed jagħżlu li jivvjaġġaw b’tal-linja,” qal Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport.
“Issa għandna bżonn innaqqsu l-ħin tal-vjaġġi bit-trasport pubbliku sabiex inkomplu nilħqu d-domanda li dejjem qed tikber. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-passiġġieri, li qed jikkontribwixxu għal ambjent aktar nadif, u nittamaw li nkomplu naħdmu ma’ aktar stakeholders biex inkomplu ntejbu l-esperjenza tal-passiġġieri abbord il-karozza tal-linja.”
L-inizjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn imnedija f’Ottubru 2022 kellha wkoll impatt sostanzjali, b’140,000 persuna li għandhom Tallinja Card jivvjaġġaw b’tal-linja matul Jannar 2023, meta mqabbel ma’ 91,000 f’Jannar 2022 u 120,000 f’Jannar 2019. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 15% f’individwi li użaw tal-linja mill-inqas darba meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Din ix-xejra pożittiva kienet riflessa wkoll fuq is-servizzi Tallinja Direct, li mhumiex inklużi fl-inizjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn. In-numru ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw fuq rotot Tallinja Direct aktar minn irdoppja meta mqabbel mal-2019, li jfisser li n-nies qed jagħrfu l-benefiċċju li jaslu aktar malajr b’dawn ir-rotot aktar diretti.
“Irridu nkomplu naħdmu biex intejbu aktar is-servizz tagħna tal-karozzi tal-linja sabiex nattiraw aktar nies li jużaw il-karozza tal-linja. In-nies qed jgħidulna li t-trasport pubbliku jeħtieġ li jkun aktar effiċjenti, aktar affidabbli u b’ħinijiet tal-vjaġġ iqsar,” spjega s-Sur Pulé. “Se nkomplu niddiskutu diversi titjib fin-netwerk tar-rotot ma’ stakeholders differenti biex it-trasport pubbliku jsir aktar attraenti.”
Malta Public Transport testendi l-gratitudni tagħha lill-impjegati kollha tagħha, peress li dan is-suċċess ma kienx ikun possibbli mingħajr id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom. Il-kumpanija se tkompli tinvesti fin-nies tagħha, biex tħeġġeġ lil kulħadd fil-kumpanija biex jipprovdi l-aħjar servizz ta’ trasport pubbliku possibbli.