Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri flimkien ma’ ministri Ewropej, iffirma dikjarazzjoni li tikkonferma li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea huma kommessi li jaħdmu biex l-Ewropa ssir suq ewlieni għat-teknoloġija 5G.
L-iffirmar sar waqt laqgħa informali tal-ministri għall-kompetittività u t-telekomunikazzjoni f’Tallinn fl-Estonja – il-pajjiż li bħalissa għandu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Id-dikjarazzjoni toffri prinċipji li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea għandhom isegwu biex iħejju ruħhom bl-aħjar mod possibbli għall-infrastruttura tal-5G u għas-servizzi relatati ma’ dan il-qasam offrut fl-Ewropa. Din id-dikjarazzjoni tenfasizza dwar il-bżonn li jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet sabiex jintuża l-massimu tal-potenzjal tal-5G, filwaqt li tipproponi djalogu strateġiku mal-imsieħba dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw din it-teknoloġija fil-komunikazzjoni.
Il-5G hu element kruċjali li jsaħħaħ il-konnettività u jassigura ambjent kompetittiv fost il-konsumaturi u n-negozji fl-Ewropa. Hu mistenni li fil-futur, l-infrastruttura relatata mal-5G ikollha sehem importanti f’oqsma professjonali bħal: sewqan b’assistenza, eHealth, immaniġġjar tal-enerġija u sigurtà, fost l-oħrajn.
Il-laqgħa trattat ukoll in-neċessità li tiġi faċilitata d-data economy, speċjalment fl-aspett relatat mal-free flow of data – element essenzjali li se jgħin ukoll lill-Gvern Malti biex jiżviluppa u jimplimenta l-istrateġija tal-blockchain f’diversi setturi tal-ekonomija. Din l-istrateġija se twassal biex Malta tibda tħaddan it-teknoloġija tal-blockchain f’entitajiet tal-Gvern partikularment fejn għandu x’jaqsam l-iffaċilitar ta’ kummerċ bejn pajjiżi Ewropej. Din hi strateġija mmirata wkoll biex toħloq industrija innovattiva b’opportunitajiet kbar għal pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li l-Gvern Malti jemmen li l-azzjonijiet neċessarji jridu jittieħdu fuq livell Ewropew biex ikunu ffaċilitati l-aċċess u l-użu tal-informazzjoni f’setturi u f’organizzazzjonijiet differenti bejn l-istati membri. Dan se jwassal biex tissaħħaħ il-kompetittività u jkun assigurat li r-riżorsi f’dan il-qasam jintużaw bl-aktar mod effiċjenti.