F’ħames snin, bejn l-elfejn u sbatax u l-elfejn u wieħed u għoxrin, l-Awtorità tad-Djar ġabret tliet mija u tnejn u disgħin ċavetta ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, wara li ġew investigati numru ta’ abbużi.
Dan ifisser li grazzi għall-infurzar u l-ispezzjonijiet li jitwettqu ta’ kull sena, dawn il-postijiet se jmorru għand persuni li verament għandhom bżonnhom.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes sostna li b’dawn l-ispezzjonijiet, qed jiġi mħares il-ġid tal-Maltin kollha, hekk kif l-abbużi li jsiru fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali ma jaffettwawx biss il-persuni fil-bżonn, iżda wkoll lil kull min iħallas it-taxxa biex jagħmel dawn is-servizzi possibbli.
Qal, “L-abbuż qatt m’huwa tollerat. Aħna min-naħa tagħna konna ċari erba’, ħames snin ilu. Illum qed naraw ir-riżultat li kull sena l-Awtorità mhux biss tagħmel spezzjonijiet, imma wkoll tieħu passi fejn ikun hemm kull forma t’abbuż fil-proprjetà tal-istat. ”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay sostna li daqs kemm huwa importanti li l-Awtorità tinvesti fi stock ġdid, daqstant huwa importanti li l-bini jkun użat b’mod responsabbli u mingħajr ebda abbuż.
Qal li sfortunatament kien hemm ukoll każijiet ta’ frodi, fejn xi ħadd saħansitra wiegħed akkomodazzjoni soċjali lil xi ħadd fil-bżonn biex jieħu eluf ta’ ewro f’depożiti.
Qal, “L-Awtorità tad-Djar, filwaqt li qed timpennja ruħha li żżid l-istock ta’ akkomodazzjoni soċjali, qed timpennja ruħha wkoll li ma tħallix ċertu abbużi jsiru fid-djar tagħna, fosthom li persuni jokkupaw id-dar mingħajr titlu jew kwalunkwe proprjetà tal-Gvern, fosthom li persuni jkunu qed jużaw il-proprjetarjiet għal skopi kummerċjali. Inutli nippruvaw ngħidu kemm qed inkunu soċjali waqt li fl-istess ħin ma ninvestux f’dan it-tip t’infurzar.”
Kull min jaf b’xi abbuż f’dan is-settur, jista’ jikkuntattja lill-Awtorità fuq in-numru 80072294, sabiex jirrapporta, anki b’mod anonimu u kunfidenzjali.