Disgħa u tletin rekluta, li erbgħa u għoxrin minnhom huma rġiel u ħmistax nisa, ingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta bħala Kuntistabbli waqt ċerimonja li saret it-Tnejn filgħodu fil-Forti Sant’Iermu.
Il-Pulizija ġodda għaddew minn sitt xhur ta’ taħriġ li kien jinkludi kemm taħriġ fiżiku kif ukoll akkademiku.
Fost it-tlieta u sittin suġġett li ġew mgħallma, kien hemm dawk akkademiċi fosthom fuq id-drittijiet fundamentali; l-etika; id-diversità; informazzjoni dwar il-liġijiet ta’ Malta; regoli u proċeduri; kif ukoll investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal, offiżi sesswali; u għarfien fuq is-saħħa mentali.
Dawn ingħataw ukoll taħriġ prattiku li kien jinkludi fost oħrajn l-użu tal-armi tan-nar u l-użu tat-taser, proċeduri ta’ kontroll u trażżin, u kors fl-ewwel għajnuna.
Il-kuntistabbli ġdida Abigail Sciberras, li ħadet ukoll il-premju tal-aktar rekluta li ddistingwiet ruħha matul il-kors qalet kif tħossha onorata li issa libset l-uniformi ta’ Pulizija.
Qalet, “Huwa ta’ unur għalija li ser inkun qed inservi fil-Korp tal-Pulizija u nirrapreżenta lir-Repubblika ta’ Malta. Għalija jfisser ħafna, studjajt, stinkajt u huwa ta’ unur kbir li ġejt l-ewwel. Jiena ninkoraġixxi lin-nies kollha biex japplikaw u jingħaqdu magħna huwa verament xi ħaġa sabiħa li tingħaqad fil-korp.”
Fiċ-ċerimonja l-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà qal li l-għan prinċipali huwa li l-pubbliku jżid il-fiduċja fil-pulizija tant li fl-aħħar sena, mhux biss kiseb aktar fiduċja min-nies, imma wkoll saħħaħ il-ħidma fil-komunità.
Il-Kummissarju semma ukoll kif dawn il-pulizija ġodda deħlin fi żmien li l-Korp tal-Pulizija kompla jsaħħaħ il-prinċipji tal-governanza tajba, bl-aħħar miżura tkun l-introduzzjoni ta’ policy li tirregola t-testijiet għad-droga u għax-xorb alkoħoliku
Intant, fil-messaġġ tiegħu lir-rekluti l-ġodda, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li meta wieħed isir pulizija, ma jkunx daħal għal xogħol bħall-oħrajn imma għat-twettiq ta’ vokazzjoni.