It-total ta’ persuni li mardu bil-Coronavirus f’pajjiżna u li issa ġew iddikjarati ħielsa mill-istess virus, huwa ta’ 204, wara li fl-aħħar sigħat fiequ 39 persuna oħra.
Fost il-persuni mfejqa fl-aħħar sigħat hemm ħamsa li għandhom bejn 70 u 89 sena.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li fl-aħħar sigħat saru 641 test, u ħareġ biss każ wieħed li kien pożittiv. Dan huwa Libjan ta’ 31 sena li kien qed jgħix fil-komunità.
In-numru ta’ persuni infettati f’Malta mindu feġġ l-ewwel każ, tela’ għal 454. Jekk wieħed inaqqas il-persuni li fiequ u t-tlieta li mietu minħabba l-Coronavirus, il-każijiet attivi f’Malta ta’ Coronavirus huma 241.
Il-Prof. Charmaine Gauci spjegat: “In-numru ta’ swabs dejjem qed jiżdied u aħna qed nagħmlu ħidma wkoll biex inkomplu nżidu l-iswabs avolja dawn l-aħħar ġranet rajna li kien hemm nuqqas ta’ numru ta’ swabs li għamilna kuljum però aħna qegħdin ukoll naqbdu gruppi ta’ nies u nagħmlulhom it-testijiet, sa issa mill-bidu nett aħna għamilna 26,811 swabs.”
Bħalissa fl-Isptar Mater Dei hemm ħames pazjenti, u l-anzjan fit-Taqsima tal-Kura Intensiva li jinsab fuq il-ventilatur iżda li qiegħed f’qagħda stabbli.
Sittax oħra qegħdin fl-Isptar Boffa u 7 oħra fl-isptar privat St. Thomas f’Ħal Qormi.
Minkejja li fl-aħħar sigħat kien hemm każ wieħed biss, il-Professur Gauci appellat biex in-nies jibqgħu josservaw ir-regoli u miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Fakkret ukoll l-importanza li min iħoss xi sintomu, iċempel 111.
Is-Saħħa tas-Saħħa Pubblika sostniet: “Il-miżuri dejjem għandhom jibqgħu jgħoddu għaliex importanti li hemm barra hemm ċans li jkun hemm iktar nies li qed iġorru dan il-virus, inti ma tkunx taf ma’ min tista’ tiltaqa’ allura dejjem inżommu ’l bogħod minn xulxin u dejjem nipproteġu n-nies li huma vulnerabbli.”