Minn tal-inqas, disgħa u tletin persuna nqatlu u aktar minn sebgħin oħra ndarbu f’nirien li ħakmu sptar fil-Korea t’Isfel.
Jidher li kollox beda fil-kamra tal-emerġenza fl-isptar ta’ Sejong fil-belt ta’ Miryang.
Mal-mitejn pazjent kienu fuq ġewwa tal-binja fil-ħin li seħħew in-nirien.Dawn huma l-aktar nirien li ħallew vittmi fil-Korea t’isfel f’deċenju, bin-numru ta’ persuni mejta mistenni jkompli jiżdied hekk kif dawk midruba huma f’qagħda kritika.
Il-President tal-Korea t’isfel, Moon Jae-in sejjaħ laqgħa ta’ emerġenza biex jiddiskuti modi ta’ kif jista’ jindirizza din is-sitwazzjoni.
Dan l-isptar ilu jopera mill-elfejn u tmienja u fih madwar mitejn sodda.
Dawn in-nirien seħħew biss xahar wara li disgħa u għoxrin persuna fil-belt tal-Korea t’isfel ta’ Jecheon nqatlu fi splużjoni li seħħet f’gym pubbliku.