Mis-sena elfejn u wieħed u għoxrin sal-lum, total ta’ tlett elef, tmien mija u tmienja u tmenin familja bbenefikaw minn erba’ skemi governattivi li jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni lejn enerġija aktar effiċjenti.
B’kollox, dawn il-familji rċevew aktar minn għaxar miljun ewro f’sapport finanzjarju għal sistemi ta’ enerġija rinnovabbli.
Dan is-sapport finanzjarju ngħata f’erba’ skemi amministrati mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, li jinkludu l-iskemi ta’ Solar Water Heaters, Heat Pump Water Heaters, u Roof Insulation and Double Glazing, li reġgħu nfetħu għal din is-sena.
Ma’ dawn hemm ukoll l-iskema ta’ Renewable Energy Sources, għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi u sistemi għall-ħażna tal-batteriji, li se tinfetaħ fix-xhur li ġejjin.
Dawn iċ-ċifri tħabbru waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret ma’ stakeholders differenti, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma l-Inġinier Marjohn Abela, u ċ-Chief Policy Officer tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma l-Inġinier Charles Buttigieg.
L-Inġinier Abela nnota kif dawn l-iskemi qed iħeġġu lill-familji jkunu aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Qal, “B’kollox, il-Gvern alloka sitta u għoxrin miljun għal dawn l-iskemi u bbenefikaw mal-kważi erbat elef familja fejn ħadu ’l fuq minn għaxar miljuni fi grants.”
Il-Gvern se jalloka miljun ewro għal tliet skemi li reġgħu nfetħu dan ix-xahar, filwaqt li aktar tard din is-sena, se titnieda skema multimiljunarja oħra biex tappoġġja lill-familji li jinvestu f’sistemi fotovoltajċi u sistemi ta’ ħażna ta’ batteriji domestiċi.
Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat id-determinazzjoni tal-Gvern lejn l-użu sostenibbli tal-enerġija, id f’id mal-impenn ta’ Malta bħala parti mill-ftehim li ntlaħaq fil-COP28 f’Diċembru li għadda, fejn diversi pajjiżi ntalbu jużaw inqas fjuwils fossili biex sas-sena elfejn u ħamsin jilħqu l-mira tad-dekarbonizzazzjoni.
Qalet, “Kellna konkorrenza tajba għall-iskemi li kellna b’mod partikolari fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli, fejn jidħol l-istorage tal-enerġija, u skemi oħrajn, u s-sena 2024 irridu nkomplu nagħtu imbuttatura għal dawn l-iskemi u oħrajn għaliex irridu nżidu l-persentaġġ tar-rinnovabbli f’pajjiżna u rridu naċċertaw ruħna li jkollna aktar effiċjenza enerġetika.”