Fl-2017, seħħew tliet mija u sebgħa u tmenin mewt f’pajjiżna minħabba mard relatat mat-tipjip.
Il-maġġoranza – tliet mija u ħamsa – kienu rġiel, u l-kumplament – tnejn u tmenin – kienu nisa.
Lejlet il-Jum Dinji kontra l-użu tat-tabakk, id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Dr Paula Vassallo, spjegat il-ħidma li ssir biex tindirizza lil min ipejjep.
“Nagħmlu kampanji differenti biex nittargetjaw gruppi differenti biex aħna nħeġġuhom biex iwaqqfu t-tipjip. Niffukaw fuq l-impatt li jagħmel it-tabakk fuqhom, fuq il-familjari tagħhom ukoll minħabba secondhand smoke u nużaw mezzi differenti biex inwasslu messaġġ biex dawn kemm jista’ jkun jieqfu mit-tipjip, u aħna bħala Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, għandna l-għajnuna biex ngħinuhom lil dawn in-nies biex jieqfu mit-tipjip.”
Fost is-servizzi b’xejn li jingħataw mid-Direttorat hemm dak ta’ sessjonijiet ta’ counselling, li matulhom jitfassal pjan ta’ għajnuna skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-persuna.
Dr Vassallo spjegat li l-ħidma tad-Direttorat tmur lil hinn minn dan, hekk kif isiru bosta kampanji biex jippromwovu stil ta’ ħajja aħjar u għaldaqstant jindirizzaw ukoll kull faxxa tas-soċjetà.
“Naħdmu wkoll maż-żgħażagħ, mal-familji u man-nisa tqal, biex inwasslu l-messaġġ tagħna dwar il-ħsara li jagħmel it-tabakk. Naraw l-imwiet, il-ħsara li jagħmel, il-mard kroniku li dan jaffettwa kważi kull parti tal-ġisem, allura nwasslu l-messaġġ anki minn età żgħira biex wieħed ma jibdiex ipejjep.”
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq il-helpline 80073333 jew jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook HPDP Malta.