Is-soluzzjoni kontra l-varjant tal-Omicron hija l-booster u sa issa f’Malta tlaqqmu tmienja u tletin fil-mija tal-popolazzjoni bil-booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarjiet fejn ħabbar ukoll li filwaqt li l-varjant Omicron qiegħed jiddomina l-Ewropa, sa issa m’hawnx każ magħruf ta’ dan il-varjant f’pajjiżna iżda hu mistenni li dan jidħol f’Malta.
Id-Deputat Prim Ministru nnota li f’Malta, il-każijiet attivi telgħin, iżda l-persuni rikoverati fl-isptar huma ftit, hekk kif il-programm ta’ tilqim f’pajjiżna qiegħed ferm aktar avvanzat minn dak f’pajjiżi oħra Ewropej.
Intqal li minn nhar it-Tnejn li ġej, wieħed li għandu ħamsa u tletin sena jew aktar u ilu aktar minn erba’ xhur li ħa l-aħħar doża tal-vaċċin, jista’ japplika biex jieħu l-booster fuq vaccin.gov.mt.
Rigward dawk li ħadu doża waħda tal-vaċċin ta’ Johnson & Johnson, id-Deputat Prim Ministru qal li dawn jistgħu jieħdu t-tieni doża bħala booster, xahrejn wara l-ewwel doża.