F’inqas minn tliet xhur, l-Enemalta żiedet tmienja u tletin kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż, bħala parti mill-akbar investiment tax-xorta tiegħu fl-infrastruttura nazzjonali, imwiegħed mill-Prim Ministru Robert Abela.
Din l-aħbar ingħatat mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, waqt li ltaqgħet ma’ wħud mill-ħaddiema tal-kumpanija li bħalissa qed jaħdmu fuq proġett simili fil-Mosta.
Il-Ministru Dalli spjegat li x-xogħol ta’ tqegħid ta’ cables ġodda għaddej f’diversi lokalitajiet, fosthom f’Ta’ Qali, f’Ħal Far, Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Kalkara, Ħal Luqa, il-Mosta, l-Imtarfa, ix-Xlendi, in-Nadur, in-Naxxar, ir-Rabat Malta, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u ż-Żurrieq. Aktar kmieni din is-sena, tlestew ukoll xogħlijiet simili f’Ħal Kirkop, Bormla u l-Fgura.
Il-Ministru għall-Enerġija sostniet li dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’kollaborazzjoni bejn tliet entitajiet, li huma l-Enemalta stess, Infrastructure Malta u Transport Malta.
F’dawn ix-xogħlijiet qed jitqegħdu aktar minn sebgħin kilometru ta’ cables ġodda ta’ ħdax-il kilovolt biex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Qalet, “Il-pjan tagħna hu li jkollna 70 kilometru ta’ cables madwar il-pajjiż biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni u naraw li jkollna sistema aktar inforzata. Fil-fatt għaddej ix-xogħol għaddej u għaddej b’ritmu mgħaġġel ħafna.”
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava, spjega li l-kumpanija mhux biss qed tagħmel dan ix-xogħol.
Qal, “F’dan ix-xogħol lestejna wkoll madwar għaxar substations ġodda, kif ukoll tejjibna disa’ substations fejn żiedna l-upgrading tat-transformers. Flimkien ma’ dawn is-substations, installajna wkoll madwar 23 feeder, li dawn qed joħorġu minn substations biex inkunu nistgħu nsaħħu l-infrastruttura tal-elettriku f’pajjiżna.”
Il-Ministru Dalli kienet akkumpanjata mis-Sindku tal-Mosta Chris Grech.