Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed igawdi mis-servizz ta’ sebgħa u tletin spettur ġdid. Dan wara li dawn lestew b’suċċess il-kors ta’ Spettur, u minn nhar it-Tnejn li ġej se jibdew bix-xogħol fil-komunità.
Hekk kif sitta u għoxrin minn dawn huma rġiel, u ħdax huma nisa, ħamsa minn dawn huma ġodda fil-kors tal-Pulizija, hekk kif applikaw minn barra għall-kariga ta’ Spettur.
Josef Gauci, li ħa l-ġurament bħala Pulizija u bħala Spettur fl-istess ġurnata, qalilna li qed jistenna li din l-esperjenza, waqt li tibnilu karriera prestiġjuża, tkompli tkabbru.
L-Ispettur Christina Delia, li ġiet l-ewwel minn nisa kollha li għamlu l-kors, tkellmet magħna dwar x’qed tistenna minn din l-esperjenza.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia li kien preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra, qal li qed tinħass il-ħtieġa li l-korp ikompli jimmodernizza ruħu.
Fid-diskors tiegħu hu appellalhom biex ikunu kemm jista’ jkun prattiċi, waqt li jkunu għaddejin bix-xogħol fil-komunita.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar saħaq li għal dawk li jixtiequ javvanzaw, l-opportunitajiet jinsabu hemm. Dan waqt li ħeġġiġhom biex matul il-karriera tagħhom jibqgħu qrib tan-nies, jgħinu lil dawk fil-bżonn, u ma jingħalqux f’Torri tal-Avorju.