Sebgħa u tletin persuna li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità mal-Fondazzjoni Inspire u mal-Aġenzija Sapport, ingħataw taħriġ speċjalizzat minn Special Olympics Malta, li jħejjihom aħjar fix-xogħol tagħhom mal-persuni b’diżabilità li jattendu programmi ta’ matul il-jum.
Dan it-taħriġ speċjalizzat itejjeb il-koordinazzjoni u l-kontroll tal-moviment tal-ġisem u jsir minn Special Olympics Malta għall-persuni b’diżabilità, speċjalment dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobilità u għandhom diżabilità severa.
Huwa maħsub ukoll għall-persuni b’diżabilità li ma jistgħux jipparteċipaw f’taħriġ ieħor ta’ Special Olympics Malta jew jikkompetu minħabba d-diżabilità tagħhom, kif ukoll għal dawk li jkollhom diffikulta fl-imġiba u ma jistgħux jipprattikaw l-isport.
Dan it-taħriġ seta’ jsir permezz ta’ ftehim li daħal fis-seħħ sentejn ilu, bejn l-Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta.
F’ċerimonja li matulha ngħataw iċ-ċertifikati lill-ħaddiema li lestew dan it-taħriġ, il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela fissret il-ħidma bejn entitajiet differenti bħala ċelebrazzjoni tal-inklussività.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli qalet li ftheim bħal dan jixhed l-importanza tal-investiment fil-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità.