Erba’ containers mimlija sigaretti tal-kuntrabandu ġew interċettati mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija wara ħidma koordinata bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, mifruxa fuq numru ta’ ġimgħat.
It-Taqsimiet tad-Dwana li ħadu sehem f’din l-operazzjoni kienu l-Intellectual Property Rights Unit, il-Containers Monitoring Unit u l-Customs Scanning Unit.
Is-sigaretti rriżulta li huma kollha kontrafatti u dan ġie kkonfermat mir-rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji li jimmanifatturaw dawn it-trademarks (right holders).
– Fl-ewwel container li ġie eżaminat instabu 10 miljun sigarett tal-kuntrabandu;
– fit-tieni container instabu 8.5 miljun sigarett;
– fit-tielet container 10 miljun sigarett ieħor; u
– r-raba’ container kellu fih 8.5 miljun sigarett.
B’kollox inqabdu 37 miljun sigarett. L-erba’ containers oriġinaw mill-Kambodja, u kienu fi triqithom lejn il-Libja.
Dawn is-37 miljun sigarett, magħduda mat-total ta’ 11.6miljun sigarett tal-kuntrabandu li inqabdu aktar kmieni din is-sena, itellgħu l-figura ta’ sigaretti maqbuda sa issa din is-sena għal 48.6 miljun.
Din hi figura rekord għad-Dwana ta’ Malta.