Matul il-lejl, waqt l-għadd tal-voti ġewwa l-MCAST, membri tal-eżekuttiv tal-SDM irrifjutaw li jkomplu bil-proċess tal-għadd tal-voti wara li membri tal-kummisjoni tal-SDM stess proponew dan il-proċess u vvutaw favurih.
Il-kwistjoni hi marbuta mal-Kunsill tal-Istudenti għall-istess kulleġġ.
Jirriżulta li matul il-proċess tal-voti instabu għadd ta’ voti li ma kkorispondewx mar-reġistru f’istitut partikolari fil-Kampus tar-Raħal Ġdid. Apparti minn hekk żewg kaxxi minn istituti differenti kienu bit-timbru iżda bla reġistru. Dan l-għadd tal-voti ma kienx f’idejn il-kummisjoni, iżda dawn l-affarijiet huma l-istess amministrazzjoni tal-Kulleġġ li tagħlaq il-kaxxi kif ukoll tipprovdi r-reġistri lil kull istitut. L-istess amministrazzjoni għandha r-responsabbilità li tqiegħed ir-reġistru ġewwa l-istess kaxxa.
Fi stqarrija tal-għaqda Pulse, intqal li l-membri tal-Pulse ma missew l-ebda vot la darba l-membri tal-SDM ħadu d-deċiżjoni li joħorġu mill-kamra. “Tant hu hekk li l-għaqda Pulse ħalliet f’idejn l-istess membri tal-istaff u amministrazzjoni biex tieħu ħsieb li jitqiegħdu l-voti ġewwa l-kaxxa rispettiva tagħhom. Dan sar waqt li r-rappreżentati tal-Pulse kienu barra mill-istess kamra fejn il-proċess tal-għadd tal-voti kellu jseħħ,” kompla jkun spjegat.
Pulse qalet li l-vot tal-istudent għandu jiġi rrispetat dejjem. “Għalhekk hija verament ħasra li dan l-għadd ma setax jiġi fis-seħħ minħabba l-persistenza tal-istess għaqda (SDM) li ħarget barra mill-kamra tal-għadd tal-voti,” kompla jingħad.
L-għaqda Pulse rringrazzjat lil kull student u studenta li wriet l-appoġġ u l-fiduċja tagħha matul din l-elezzjoni. “L-ħidma tal-għaqda ġewwa din l-istituzzjoni post-sekondarja tkompli mingħajr waqfien anzi pjuttost tkompli b’aktar grinta,” temmet tgħid l-istqarrija tal-Pulse.