Mill-istaġun li ġej, l-ogħla kampjonat tal-futbol Malti se jkollu sponsor ġdid, il-kumpanija internazzjonali ta’ informazzjoni u servizzi sportivi, 360Sports. B’dan se jfisser l-ewwel investiment barrani f’pajjiżna li qed jinvesti fil-Malta Premier.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ġimgħa, fejn intqal li din il-kumpanija investiet aktar minn sitt mitt elf ewro għat-tliet snin li ġejjin. Dan l-investiment se jwassal biex l-ogħla kampjonat mill-istaġun li ġej se jkollu l-isem ta’ 360Sports Malta Premier.
B’dan l-investiment u dħul ieħor għal total ta’ madwar miljun ewro, id-dħul għal kampjonat tal-klabbs żdied bi 800% u dan se jwassal biex il-kampjonat Malti se jkun qed jagħmel surplus mill-ewwel staġun tiegħu.
Iċ-Chairman tal-Malta Premier League Limited, Alan Attard, tkellem aktar dwar x’se jfisser dan l-isponsor il-ġdid għall-futbol Malti.
“Il-kampjonat se jiġi aktar sostenibbli, jiġifieri fl-ewwel sena se nagħmlu surplus. Waħda mill-għanijiet tagħna mill-bidu nett. Hi parti mit-tibdil li nagħmlu fuq nett tal-aġenda tagħna hi li ntejbu l-produzzjoni tal-partiti li nuru. Ovvjament aħna nemmnu li dan kollu f’daqqa se jagħti prodott aħjar.”
F’din l-istess konferenza tnediet, l-emblema l-ġdida tal-kampjonat li bħala parti ċentrali minnu hemm il-falkun Malti u aktar minn tlett elef persuna vvotaw għaliha.
Rappreżentanti ta’ 360Sports sostnew li, bħala kumpanija se jkunu qed jibbażaw f’pajjiżna, u se joħolqu pjattaforma għall-partitarji u l-futbol lokali se jiġi promoss madwar id-dinja.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Malta Premier League, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.