Fil-ġimgħat li ġejjin, 36,000 pensjonant f’pajjiżna se jibbenefikaw minn tliet miżuri flimkien – l-aġġustament fid-dħul ta’ persuni li jirċievu l-pensjoni tal-irtirar u twieldu qabel l-1962, il-pensjoni tar-romol u dik tas-servizz.
Fil-fatt, ir-reviżjoni tal-pensjoni tal-irtirar qed isir biex fuq medda ta’ snin jonqos id-distakk fid-dħul pensjonabbli massimu bejn persuni mweldin qabel l-1962 u oħrajn li twieldu wara.
Hawn, ir-rata tal-pensjoni ta’ min id-dħul tiegħu jaqbeż it-tlieta u għoxrin elf u ħames mija, jista’ jieħu żieda oħra sa ħdax-il ewro u tlieta u għoxrin ċenteżmu fil-ġimgħa.
Iż-żidiet li jingħataw jkunu addizzjonali maż-żieda fil-pensjoni ta’ €8 fil-ġimgħa li daħlet fis-seħħ fil-bidu tas-sena.
Minn dan l-aġġustament fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali, matul ix-xhur li ġejjin mistennija jibbenefikaw madwar 26,000 persuna, inkluż persuni li jirċievu l-pensjoni tar-romol.
Dan it-tibdil ma japplikax għal dawk il-persuni li d-dħul pensjonabbli tagħhom hu inqas mid-Dħul Pensjonabbli Massimu, għax il-pensjoni tagħhom hi diġà bbażata fuq is-salarji sħaħ li kellhom u li għalhekk diġà jieħdu ż-żewġ terzi sħaħ.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù proprju tkellem dwar dan kollu.
“Il-pensjonanti, li twieldu qabel l-1962, u allura l-aġġustament li jirriżulta miż-żieda fid-dħul pensjonabbli massimu tagħhom. Il-pensjonanti romol li wkoll qed isirilhom aġġustament kull sena u anke l-pensjonanti tas-servizz.”
Mark Musu’, Segretarju Permanenti
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drititijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega li kompliet għaddejja l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri soċjali, fejn anke ta ħarsa lejn l-implimentazzjoni ta’ aktar minn 40 miżura soċjali matul din is-sena.
“Qed naraw li nkomplu nnaqsu d-distakk tar-romol. Qegħdin ukoll innaqqsu wkoll l-ammont li nikkunsidraw tas-servizz, u l-aktar ħaġa importanti hi dik li qed naġġustaw, għat-tieni darba, il-pensjoni ta’ dawk li twieldu qabel l-1962.”
Il-Ministru Michael Falzon