36 uffiċjal fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jingħataw taħriġ fuq teknika marbuta mal-użu tal-ħbula li jintużaw f’ċirkostanzi ta’ emerġenza.
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila spjega li dan it-taħriġ se jirriżulta utli ħafna f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ minn postijiet ta’ ċertu għoli, bħall-irdumijiet.
F’dawn is-sitwazzjonijiet, jintużaw biss ħbula bħala metodu ta’ salvataġġ hekk kif l-użu ta’ tagħmir ieħor ma jkunx possibbli.
Psaila stqarr, “Dan il-kors jirrikjedi li jkollna 36 uffiċjal f’dak li ngħidulu rope access li sitta minnhom ħa jilħqu instructors. Din il-metidoloġija qegħdin nużawha biex imbagħad l-instructors tagħna jkunu kapaċi jgħallmu lill-kumplament tal-forza fuq medda ta’ snin.”
Wieħed mill-uffiċjali spjega kif it-taħriġ qed jingħata skont standards internazzjonali u huwa l-ewwel kors tax-xorta tiegħu fil-pajjiż.
Jonathan Callus spjega, “Apparti li ġejna certified fuq it-teknika li diġà nużaw, tgħallimna u qed nitgħallmu teknikalitajiet differenti biex jintużaw f’postijiet fejn l-iktar huma rinomati għalina bħall-Aħrax tal-Mellieħa, Għar Lapsi, l-Imtaħleb, postijiet fejn hawn għoli mhux ħażin.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri segwa mill-qrib sessjoni ta’ taħriġ u tkellem mal-uffiċjali dwar l-esperjenza tagħhom.
Huwa saħaq li dan l-investiment huwa strumentali biex l-uffiċjali jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tal-abbiltajiet tagħhom.
Camilleri spjega, “Fil-Protezzjoni Ċivili għamilna u qed inkompli nagħmlu qabża kbira fil-kwalità ’l quddiem u dan qed nagħmluh mhux biss fl-infrastruttura, mhux biss fl-għodda li l-ħaddiema tagħna jużaw, mhux biss fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema iżda wkoll fit-taħriġ li jirċievu l-ħaddiema.”