Minn Jannar sal-lum saru kważi tlett elef u sitt mitt appuntament (3,573) fil-kliniki tal-isptar ġerjatriku f’San Vinċenz de Paul, kemm minn residenti kif ukoll minn klijenti anzjani li jgħixu fil-komunità jew fi djar oħra tal-anzjani.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati fil-gazzetta KullĦadd, li nnutat li dan ifisser li dawn il-pazjenti tnaqqsilhom iż-żmien ta’ stennija għal diversi appuntamenti; aspett importanti ħafna fl-anzjani li jingħatalhom sapport fil-pront b’aċċessibilita mgħaġġla.
Dan wassal ukoll biex jitnaqqas ix-xogħol fl-isptar Mater Dei biex l-isptar ikun jista’ juża r-riżorsi tiegħu fuq mard aktar akut.
Minn meta fetaħ il-bibien tiegħu f’Jannar li għadda, fl-isptar għall-kura ġerjatrika f’San Vinċenz de Paul, infetħu bosta kliniki, fosthom il-klinika psikjatrika, il-klinika oftalmika, il-klinika tal-ġinekoloġija, il-klinika tad-dermatoloġija, u l-klinika tal-pacemakers, li bejniethom kellhom aktar minn sitt mija u ħamsin żjara minn residenti ta’ San Vinċenz.
Infteħu wkoll żewġ kliniki vaskulari li kellhom tnejn u sittin żjara minn residenti u kważi ħames mija u ħamsin żjara minn anzjani fil-komunità.
Id-Direttur Mediku ta’ San Vinċenz, it-tabib Ronald Fiorentino, spjega li permezz ta’ tagħmir diġitali tar-Raġġi X, qed jiġi offrut servizz uniku f’pajjiżna li qed jakkomoda wkoll pazjenti minn Mater Dei.
Huwa semma wkoll li, minn April ’l hawn, l-isptar għall-kura ġerjatrika kompla firex is-servizzi li joffri.
“L-Isptar Ġerjatiku kien kunċett li bdejnA naħsbu fih biex nespandu s-servizz li għandna għal persuni li għandhom ’il fuq minn ħamsa u sittin sena, ikunu jistgħu jinqdew b’servizz aktar b’saħħtu, mingħajr dewmien u b’iktar trakwilità.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega li dan l-isptar tal-kura ġerjatrika huwa parti sostanzjali mill-investiment ta’ disa’ miljun ewro li saru fil-kumpless Rużar Briffa.
Huwa qal li dan l-investiment f’San Vinċenz sar bl-iskop li jkun hemm diċentralizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u li dawn is-servizzi jsiru aktar iffukati fuq l-anzjani.
“Għadna pjanijiet li se nkomplu nkabbru permezz ta’ speċjalità tal-kardjologija u speċjalitajiet oħra, bħall-ġinekoloġija. Irridu nkomplu nġibu lil San Vinċenz De Paul, se tkun state of the art hospital, jiġifieri sptar alternattiv.”
Il-kliniki fl-isptar ġerjatriku huma frott tal-kooperazzjoni bejn speċjalisti minn San Vinċenz u Mater Dei li, flimkien, jagħtu kura speċjalizzata u integrata lill-anzjani kollha taħt saqaf wieħed.