Il-Kummissjoni Elettorali għalqet ir-reġistru elettorali li fuqu se tkun qed issir l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li ġej.
B’kollox eleġibbli jivvutaw hemm 355,025 votant, jiġifieri madwar 13,000 votant iżjed mill-aħħar elezzjoni ġenerali fl-elfejn u sbatax.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li matul tmiem il-ġimgħa se jibda l-istampar tad-dokument tal-vot.
Gatt qal kif dawk li nhar is-26 ta’ Marzu se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar, jistgħu jivvutaw ġimgħa qabel jiġifieri nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu.
Qal, “Kull ma jridu jagħmlu jmorru l-uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar jew ir-Rabat Għawdex minn nhar it-Tnejn li ġej u hemmhekk jikkonfermaw dikjarazzjoni li se jkunu msefrin jew rikoverati. Il-Kummissjoni Elettorali mhux se titlob dokumentazzjoni imma kull ma għandek bżonn hu ID Card u ġurament.”
Fl-aħħar jiem ukoll il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li għal dawk li jinsabu msefrin u jridu jiġu jivvutaw se jkun hemm titjiriet apposta tal-Air Malta.
Dawk li jridu japplikaw għandhom jagħmlu dan fuq 0035621418118.
Qal, “Dawn il-persuni jistgħu jiġu kemm għas-26 jew għas-19 ta’ Marzu fl-advanced voting. Importanti li tad-19 ta’ Marzu jaslu sat-18 ta’ Marzu f’nofsinhar biex jiffirmaw dikjarazzjoni li fis-26 se jkunu msefrin u dawk li ġejjin għas-26 ta’ Marzu għandhom jaslu Malta sal-24 ta’ Marzu nofsillejl biex jiġbru d-dokument tal-vot tagħhom.”
Is-Sur Gatt temm billi fakkar biex mingħandu xi mistoqsija marbuta mal-proċess elettorali jista’ jikkuntatja l-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.