19:11: Tkellem il-Kaptan Daniel Bugeja minn Trasport Malta li analizzaw l-attività nawtika. Hu qal li larrivita nawtika ser tkompli ovvjament kif mahsub bmod normali anke jekk l-attività tat-tanker tkun għaddejja.
Bugeja qal li iżjed il-quddiem se jkun hemm ċertu limitazzjoni in-naħa ta’ Ħal Saptan imma dan mhux se jfixkel xejn.
Hu qal li se jkun qed jinħareġ avviż meta tibda l-attività u li dan għadu ma nħariġx għax l-attività tat-tanker għadha ma bdietx.
Il-Protezzjoni Ċivili kkonsultaw mal-kumpanija Falck fejn ġie analizzat it-tagħmir li hemm bżonn f’każ ta’ xi incident.
18:12: Il-Maniġer ta’ dan il-proġett, Catherine Halpin, spjegat li għall-proċess imsejjaħ Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC), ftit kimiċi se jkunu meħtieġa.
Hi qalet li l-miżuri biex inaqsu l-ħsejjes ittieħdu fejn qalet li l-ħsejjes se jkunu mmonitorjati skont id-direttivi Ewropej.
Id-Direttur Tekniku, Kate Aplin, tkellmet dwar diversi studji nawtiċi u kif ukoll dwar is-sigurtà tat-terminal tal-LNG il-ġdid.
Hi qalet li f’każ ta’ maltemp il-Floating Storage Unit (FSU) se jkun skonnettjat mill-moll u li dan se jkun qed jintrabat ma’ tmien ankri kbar.
Aplin spjegat kif is-simulazzjonijiet tar-‘real time manouvering’ saru f’pajjiżna stess fil-faċilitajiet tal-Malta Maritime Pilots.
Madwar il-vapur se jkun hemm żona ta’ sigurtà li se tkun qed toħroġ minn Transport Malta, dan filwaqt li se jkun hemm ċertu restrizzjonijiet fiż-żona.
16:55: Fil-preżentazzjoni tiegħu ċ-Ċermen tal-Enemalta, Frederick Azzopardi, qal li llum għandna niddependu fuq impjanti antiki li jħassu wkoll minħabba l-emissjonijiet għoljin u l-iskart tossiku. Azzopardi ddeskriva bħala opportunità l-qbil li l-Heavy Fuel Oil ma jibqax jintuża u minfloku jintuża l-gass. Fisser kif dan se jfittex enerġija diversifikata u sigurtà tal-provvista.
Dwar is-siġurtà tal-provvista ġie mistoqsi dwar x’jiġri jekk l-interconnector ma jkunx disponibbli. Qal li mingħajr l-impjant tal-gass pajjiżna ma jkollux provvista biżejjed u għalhekk l-għażla tkun li waħda mill-għażliet hi li tintuża waħda mill-power stations tal-Heavy Fuel Oil, jew tal-Marsa jew Dellimara. Power stations b’effiċjenza baxxa.
Aktar Qabel: Ftit tal-ħin ilu bdiet konsultazzjoni pubblika dwar il-power station tal-gass f’Dellimara.
Il-konsultazzjoni pubblika qed issir fl-iskola Primarja ta’ Marsaxlokk fejn bdiet għall-ħabta tat-3:30p.m. u mistennija tibqa’ għaddeja sat-8:30p.m, bl-ewwel kelliema jkunu uffiċjali tal-Enemalta li qed jagħmlu preżentazzjoni li turi il-ħtieġa tal-impjant il-ġdid.
F’Ottubru l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ppublikat id-dokumenti kollha b’rabta mal-impjant tal-gass. U estendiet il-perjodu ta’ konsultazzjoni.
Minkejja dan l-Oppożizzjoni baqgħet tgħid li l-perjodu għandu jkun itwal, bil-Partit Laburista jargumenta li l-vera raġuni għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, irid itawwal il-proċess ta’ konsultazzjoni hi għax ma jridx li ssir il-qalba għall-gass u jrid li l-ġenerazzjoni tal-elettriku tibqa’ ssir bl-aktar fjuwil li jħammeġ, il-heavy fuel oil.
Żied jgħid li wara li l-ERA ħabbret li l-perjodu kien imtawwal b’għaxart ijiem, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jgħid li dan mhux biżżejjed għax hemm 15,000 paġna f’rapporti.