Bl-għajnuna tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, elf u mitejn persuna li kienu maqbuda barra l-pajjiż, inġiebu Malta fuq titjiriet ta’ ripatrijazzjoni fl-aħħar jiem.
Hemm tliet mija u ħamsa u ħamsin oħra, Maltin u persuni b’permess ta’ residenza f’Malta, li rreġistraw u qed jistennew biex jiġu lura.
Fl-istess waqt, il-Ministeru għen biex madwar erbat elef u seba’ mitt persuna li kienu f’Malta, ġew ripatrijati lejn pajjiżhom.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo, saħaq ma’ dan l-istazzjon li fost in-nies maqbuda barra li qed jistennew biex jiġu lura, hemm Maltin li qegħdin barra l-Ewropa, u dak ifisser li l-ewwel iridu titjiriet li jġibuhom lejn l-Ewropa.
Saħaq li hawnhekk qed issir ħidma bla preċedent mal-Gvern Ġermaniż u Gvernijiet oħra biex iġibu lura ċittadini Maltin maqbuda barra mill-kontinent Ewropew.
“Mhux il-Ġermaniżi biss imma anki pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, ħadu ħsieb li jtellgħu ċ-ċittadini tagħhom imma mbagħad jgħidu, isma’, tant seats se nħalluhom għal membri oħra tal-Unjoni Ewropea.”
Hemm ukoll Maltin maqbuda fl-Ewropa, u hawnhekk il-Ministru Bartolo spjega li tnediet skema għal barranin li qegħdin Malta u jixtiequ jmorru f’pajjiż ieħor fl-Ewropa.
It-total ta’ barranin li sa issa rreġistraw għall-għajnuna biex ikunu ripatrijati lejn pajjiżhom permezz ta’ din l-iskema jaqbeż l-elfejn u sitt mija.
“Malli se nagħtu d-dati meta se neħduhom, inkunu nistgħu nikkuntattjaw lil dawn il-Maltin – li għandna d-dettalji kollha tagħhom mhux biss isimhom u l-karta tal-identità imma anki numru fejn nikkuntattjawhom għax dawn kollha kelmuna – inkunu nistgħu ngħidulhom, isma’, minn Londra nhar l-Erbgħa per eżempju jew nhar il-Ġimgħa, se titlaq titjira, se tkun fuqha, għax se nkunu qed nibagħtu ajruplani mimlijin nixtiquhom ma jiġux lura vojta u nkunu nistgħu ntellgħuhom fuq dawn it-titjiriet.”