L-għalliem li allegatament kien abbużiv fil-konfront tal-istudenti bniet tiegħu jinsab sospiż, flimkien ma’ tliet studenti subien.
Li nistgħu nikkonfermaw hu li huwa għalliem tal-arti. L-istorja ħarġet fil-beraħ meta l-Ministeru tal-Edukazzjoi ikkonferma li ġie mgħarraf dwar allegat abbuż li seħħ fi skola tal-Istat il-Ħamrun.
Kuraġġ tat-tifla li żvelat minn xiex kienet qed tgħaddi serva biex erba’ tfajliet oħra li allegatament għaddew minn sitwazzjonijiet simili, jersqu ‘l quddiem u jikxfu li għaddew mill-istess trawma.
Kull ma jmur, sorsi qed jgħidulna dettalji. Fosthom, kif l-għalliem allegatament kien jgħid lil studenti subien “kemm hi mqabbża l-parti tiegħek” u li kien iġiegħel lill-istudenti bniet jagħtuh il-bews qabel jidħlu fil-klassi tiegħu. Qalulna wkoll li allegatament kien jorihom ritratti pornografiċi u jgħid lit-tfajliet “tixtieq għandek sidrek bħal ta’ din”.
B’reazzjoni, l-unjin tal-Għalliema kienet kawta u saħqet li wieħed irid jara jekk hux xi forma ta’ frameup fil-konfront tal-għalliem.