Madwar 35,000 student u studenta għamlu użu mill-Passaport tal-Kultura, waqt li 45,000 ġenitur daħlu b’xejn ma’ wliedhom f’wieħed mis-27 sit jew mużew madwar Malta u Għawdex fix-xhur li għaddew.
U issa li eluf ta’ tfal tal-iskola primarja u sekondarja jinsabu bil-btajjel tas-sajf, l-aġenizja tal-Gvern Heritage Malta qiegħda tħeġġeġ lill-istudenti biex flimkien mal-ġenituri tagħhom ikomplu biż-żjajar tagħhom f’wieħed minn dawn il-mużewijiet.
Heritage Malta qiegħda tagħti din l-opportunità billi nediet programm għas-sajf li permezz tiegħu bejn Lulju u Settembru, it-tfal kollha bil-passaport kulturali jistgħu jattendu għal diversi attivitajiet li jittellgħu f’wieħed mill-mużewijiet.
Vanessa Ciantar, rappreżentata ta’ Heritage Malta, spjegat ma’ One News il-programm ta’ attivitajiet li se jittellgħu għall-istudenti.
Is-Sinjura Ciantar żiedet tispjega kif dawn l-attivitajiet edukattivi ser jinqasmu f’kategoriji u etajiet differenti/
Hija qaltilna li l-aktar żewġ siti popolari mal-istudenti kienu Għar Dalam u l-Mużew tal-Istorja Naturali.
Hija ħeġġet ukoll lill-istudenti sabiex ikomplu jixprunaw kemm jistgħu mill-esperjenzi li se jiksbu miż-żjarat tagħhom, flimkien mal-adulti li se jakkumpanjawhom, ħalli anki huma jitħajru jistudjaw l-istorja u jsibu impjieg f’dan il-qasam.
Aktar informazzjoni dwar dan il-programm tista’ tinkiseb fuq www.heritagemalta.org