Naqsu bi 3,500 dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Dan meta wieħed iqabbel l-ewwel nofs ta’ din is-sena mal-ewwel nofs tal- bidu ta’ amministrazzjoni Laburista. Hija analiżi tal-istatistika maħruġa mill- Uffiċċju Nazzjonali tal- Istatistika (NSO) li tindika li matul l-ewwel nofs tal-2016 reġa’ kien hemm tnaqqis fid- dipendenza soċjali.
- 3,500 joħorġu minn ċirku vizzjuż
- Eluf igawdu minn inċentivi għax jaħdmu
Fil-fatt, mentri fi tmiem l-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm 9240 persuna li kienet tieħu l-assistenza soċjali, tliet snin wara l-ammont ta’ nies dipendenti mill-assistenza soċjali naqas għal kważi 5800.
Ekonomisti ta’ esperjenza kkonfermaw kif dan it-tnaqqis fenomenali, ta’ kważi 40%, seħħ minħabba li pajjiżna qed ikollu tkabbir ekonomiku rekord.
Il-qgħad naqas għall-anqas livell mindu bdiet tinġabar l-istatistika, tant li nhar il- Ġimgħa pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ qgħad fl- Unjoni Ewropea.
L-andament eċċellenti fis-suq tax-xogħol joħroġ ukoll mill-fatt li dawk li jieħdu l-benefiċċju għall-qgħad kif ukoll assistenza speċjali għal nies bla xogħol niżlu għal 1317 u 3261 rispettivament. Fl-2013 kien hemm 4198 u 6119 persuna li kienet tikkwalifika għal dawn il-benefiċċji u, fi tliet snin, dawk dipendenti fuq dan il-benefiċċji naqsu b’aktar min-nofs.
Skont l-NSO, fl-ewwel nofs tal-2016 , kontra għal li kien iseħħ f’leġiżlaturi passati, l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji naqset. Fil-fatt, l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji fl-2016 kienet €5 miljun, jew 5% anqas milli kienet fl- istess żmien fl-ewwel sena ta’ ta’ din l-amministrazzjoni. Dan wassal biex setgħu jiddaħħlu benefiċċji soċjali ġodda mingħajr ma żdied id-defiċit.
Fost l-oħrajn, fl-ewwel nofs tal-2016 hemm 1571 persuna li gawdiet mill-in-work benefit. Aktar minn 2400 persuna li qabel kienet fuq ir-reġistru tal-qgħad illum ħarġet taħdem u għadha tirċievi parti mill-benefiċċju li kienet tieħu qabel.
Fost dawk li qed igawdu minn iktar benefiċċji hemm l-anzjani. Mill-bidu ta’ din is-sena, madwar 12,000 pensjonant qed igawdu mill-ewwel żieda tal-għoli tal-ħajj. Din kienet l-ewwel żieda wara 25 sena.