Il-kumpanija tal-avjazzjoni, SR Technics, ħabbret li se tespandi l-operat tagħha bi tletin elf metru kwadru biex tkun tista’ taħdem fuq sitt ajruplani żgħar fl-istess ħin. Dan l-investiment ta’ erbgħin miljun ewro se joħlow mat-350 impjieg ġdid u se jwassal biex Malta tospita ċentru ta’ eċċellenza tas-settur fil-Mediterran.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li ċ-ċelebrazzjoni tat-Tlieta kienet frott l-impenn kollettiv tal-pajjiż u ta’ sħabu li wasslu għal storja oħra ta’ suċċess. Il-Ministru spjega wkoll li l-Gvern dejjem sab kollaborazzjoni eċċellenti mill-kumpanija, tant, li anke riċenti nedew kampanja Nazzjonali biex jippromwovu l-opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur tal-avjazzjoni.
Hu mifhum li d-domanda għat-trasport bl-ajru se tiżdied b’madwar erbgħa punt tlieta fil-mija fi żmien għoxrin sena, li fuq livell lokali jfisser li pajjiża se jkollu rwol ferm aktar kruċjali u kompetittiv fl-industrija.
Il-General Manager tal-kumpanija, is-Sur Arthur Magri, spjega li l-kumpanija se tibni l-hanger il-ġdid b’diversi spazji ta’ parkeġġ għall-ajruplani fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-ispazju ta’ tletin elf metru kwadru se jospita workshop u faċilitajiet ġodda għall-manutenzjoni u l-ispezzjonijiet tal-ajruplani żgħar. Magri fakkar ukoll li mill-waqfa tal-kumpanija f’Malta fl-2010, SR Technics impjegat mat-300 professjonist Malti biex lkoll jaħdmu fuq madwar mitejn u sebgħin ajruplan. Huwa fakkar ukoll li l-kumpanija kontinwament tinvesti f’taħriġ xieraq biex l-impjegati jkunu jistgħu jevolvu fl-industrija b’mod li huma dejjem ikunu siguri.