35% tal-ħaddiema trans esperjenzaw diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Dan skont stħarriġ LGBTI tal-Unjoni Ewropea tal-2019, imwettaq mill-Aġenzija Drittijiet Fundamentali tal-UE.
L-istess stħarriġ sab ukoll kif 15% tal-persuni trans f’Malta rrappurtaw li esperjenzaw diskriminazzjoni fit-tfittxija għal impjieg, 20% ta’ spiss jew dejjem esperjenzaw attitudni ġenerali negattiva fuq ix-xogħol minħabba li huma trans fil-5 snin ta’ qabel l-istħarriġ, 41% rarament jew qatt ma ħassew li d-drittijiet tagħhom kienu appoġġjati, difiżi jew protetti fuq ix-xogħol fil-5 snin preċedenti u 44% rarament jew qatt ma raw lil xi ħadd fuq ix-xogħol jappoġġja, jipproteġi jew jippromwovi d-drittijiet ta’ persuni LGBTI.
Għalekk it-Taqsima SOGIGESC fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi u l-Aġenzija tax-Xogħol JOBSPLUS fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nedew il-kampanja Trans Workers: Same Work – Ħaddiema Trans: Xejn Differenti, li għandha l-għan li tippromwovi rappreżentazzjonijiet pożittivi ta’ persuni trans fl-impjieg u tippromwovi prattiċi ta’ impjieg inklussivi.
Dan sabiex tiġi miġġielda din id-diskriminazzjoni li xorta waħda għadha tinħass b’mod partikolari fuq il-postijiet tax-xogħol fost oħrajn.
Malta hija rikonoxxuta bħala pajjiż li għandu fost l-aqwa qafas legali u ta’ politika fir-rigward tal-identità u l-espressjoni tal-ġeneru, u huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li tipprovdi protezzjoni kostituzzjonali kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-identità tal-ġeneru. Il-proċeduri legali ta’ rikonoxximent tal-ġeneru huma aċċessibbli u bbażati fuq il-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u integrità tal-ġisem. Id-diskriminazzjoni fl-aċċess għal u waqt l-impjieg hija projbita.
Il-kampanja tinvolvi ritratti ta’ 6 persuni trans impjegati kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku, li jirrappreżentaw irġiel trans, nisa trans, kif ukoll identitajiet mhux binarji li jokkupaw diversi rwoli, inkluż mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, is-Setturi tal-Bejgħ bl-Imnut u s-Servizzi, Servizzi Soċjali u s-Settur tal-Volontarjat. Il-kampanja se tkun promossa fuq siti tal-aħbarijiet u l-midja soċjali, kif ukoll permezz ta’ żewġ reklami fuq ir-radju li jenfasizzaw esperjenzi pożittivi fl-impjiegi.
Il-kampanja ta’ għarfien se tkun akkumpanjata wkoll minn fuljett ta’ informazzjoni immirat għal min iħaddem, li jipprovdi informazzjoni u linji gwida ta’ prattiċi tajba fir-rigward ta’ persuni trans f’impjieg. Aktar taħriġ jista’ jintalab ukoll mit-Taqsima SOGIGESC permezz tal-formola online fuq www.lgbtiq.gov.mt.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar laqgħet din l-inizjattiva bħala waħda minn numru ta’ miżuri immirati biex jiżguraw li l-liġi tiġi tradotta fil-prattika. Qalet li persuni trans jikkontribwixxu b’mod ugwali għas-soċjetà tagħna u aħna impenjati li nippromwovu l-inklużjoni tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż il-post tax-xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Alexia Vella ddikjarat li Malta ma tistax taffordja li titlef mit-talent tagħha minħabba prattiċi diskriminatorji. Il-promozzjoni ta’ post tax-xogħol divers mhux biss huwa l-aħjar ħaġa li tagħmel, imma hija tajba wkoll għan-negozju li jikkontribwixxi lejn il-kreattività u l-innovazzjoni.