Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għaċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ta’ ħamsa u tletin persuna fil-Mediċina u l-Kirurġija mill-kampus tal-Queen Mary University of London li jinsab f’Għawdex.
F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-okkażjoni fiċ-Ċittadella, Dr Abela sostna li s-settur tas-saħħa, partikolarment f’Għawdex, għandu jkabbar il-potenzjal ta’ din l-università rinomata.
Hawnhekk il-Prim Ministru semma l-masterplan għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qal li fih hemm ippjanat li jinbena ċentru tal-anatomija u ċentru ġdid għar-riċerka.
Intqal li dan mhux biss se jgħin għal servizz tas-saħħa ta’ kwalità f’Għawdex, iżda wkoll biex din l-università tkompli tagħti esperjenza b’saħħitha lill-istudenti.
Il-Prim Ministru fisser lil din l-Università bħala eżempju sabiħ ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni li għandha kampus fil-qalba ta’ Għawdex.
Dr Abela qal li l-istorja ta’ din l-università f’Għawdex hi waħda ta’ suċċess li ntlaqgħet anke mill-imsieħba soċjali f’Għawdex u l-komunità Għawdxija.
Hu temm jawgura lill-gradwati l-ġodda u qal li s-suċċess tagħhom għandu jirrifletti f’aktar ġid għall-komunità.
Fil-kampus ta’ din l-università f’Għawdex hemm mat-23 Malti jaħdmu, fosthom akkademiċi, waqt li jattendu mal-280 student ġejjin minn tnejn u ħamsin pajjiż differenti.