Propju bħal-lum 35 sena ilu, l-eks difensur ta’ Atalanta u Juventus, Gaetano Scirea, kien traġikament tilef ħajtu f’aċċident tat-traffiku fil-Polonja. Fl-età ta’ 36 sena, Scirea kien involut f’ħabta head-on ma’ trakk viċin il-belt ta’ Babsk. Il-karozza li fiha kien Scirea splodiet mad-daqqa tal-impatt, u flimkien ma’ Scirea tilfu ħajjithom żewġ passiġġiera oħra.
Gaetano Scirea beda l-karriera tiegħu mal-klabb ta’ Atalanta, u għamel id-debut tiegħu fl-1972. Hawnhekk, hu għamel sentejn qabel seħħ it-trasferiment tiegħu għal mal-klabb ta’ Juventus fis-sajf tal-1974. Mal-Bianconeri, Scirea rebaħ 7 kampjonati Taljani, 2 Coppa Italia, Coppa UEFA, it-Tazza tat-Tazzi, Champions League, UEFA Supercup, u Tazza Interkontinentali. B’kollox, Scirea lagħab 550 logħba ma’ Juventus u skurja 32 goal. Hu rtira fl-1988 u ħa l-irwol ta’ ‘scout’ ma’ Juventus stess.
Mat-tim nazzjonali Taljan, hu lagħab f’3 edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, fejn rebaħ l-edizzjoni tal-1982. Hu temm il-karriera tiegħu mat-tim nazzjonali Taljan b’78 preżenza u 2 gowls.