Ħamsa u tletin sena ilu, pajjiżna kienet katalista għall-paċi. Dan meta fil-bidu ta’ Diċembru tal-1989, f’Malta, iltaqgħu l-President Amerikan George W. Bush u s-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev.
Il-laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja tal-akbar żewġ superpotenzi kienet saret fuq bastiment, ftit ’il barra minn Birżebbuġa. Bosta jqisu din il-laqgħa bħala waħda li rat it-tmiem tal-Gwerra Bierda, li kienet ilha għaddejja għal diċenji.
Ħamsa u tletin sena wara, f’Malta se terġa’ ssir laqgħa għolja internazzjonali. Dan hekk kif fl-MFCC, f’Ta’ Qali, Malta, li din is-sena għandha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, se tilqa’ sitta u ħamsin Ministru tal-Affarijiet Barranin.
Sfortunatament f’perjodu ieħor ta’ tensjonijiet kbar fid-dinja.
Fil-laqgħa li se ssir bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin se jkun hawn ukoll fostna d-delegazzjonijiet Amerikani u Russi. Dan hekk kif f’Malta se jkun hawn is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov.
Magħhom se jingħaqdu delegazzjonijiet, fost oħrajn, mill-Ukrajna, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit u l-Asja Ċentrali.