B’investiment ta’ €5.6miljun se jinbidlu l-magni kollha tar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei, li wħud minnhom inxtraw lura fis-sena 1999.
B’kollox inġiebu 35 magna, biex 32 jintużaw ta’ kuljum, u 3 jinżammu f’każ li tinqala xi problema f’xi waħda mill-magni.
Dawn il-magni jintużaw minn 185 pazjent, li whud minnhom saħansitra jiġu l-isptar tliet darbiet fil-ġimgħa biex jieħdu dan it-trattament li jdum madwar erba’ sigħat. Proċess li fih jissaffa d-demm, hekk kif il-kliewi ta’ dawn il-pazjenti ma jkunux qed jaqdu din il-funzjoni.
Dan ifisser li b’kollox fis-sena isir mal-20,000 trattament ta’ dan it-tip.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ntqal kif dan l-investiment kien possibbli biss grazzi għall-immaniġġjar b’saħħtu tal-finanzi mill-Gvern, u s-surplus li nkiseb.
Kien spjegat ukoll kif dawn il-magni mgħammra bl-aħħar teknoloġija se jġibu differenza notevoli f’ħajjet il-pazjenti li jużawhom, hekk kif fihom faċilitajiet li qabel ma kienx hawn f’pajjiżna, u li se joffru trattament aħjar.