Ħamsa u tletin inġinier irċevew il-warrant tagħhom wara li temmew il-kors ta’ studju tagħhom fl-Inġinerija u għaddew mill-eżami tal-warrant, biex issa jkunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
Dawn il-warrants ingħataw mill-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, li waqt iċ-ċerimonja tkellem dwar ir-responsabbilità li jġorr miegħu dan id-dokument, li huwa rikonoxximent mill-Istat ta’ kompetenza fil-professjoni.
Il-Ministru semma wkoll il-ħidma li qed issir biex din il-professjoni tingħata aktar saħħa legali u tibqa’ relevanti, waqt li tattira aktar studenti.
Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm iċ-Chairperson tal-Bord tal-Warrants tal-Inġiniera, Noel Camilleri, u l-President tal-Kamra tal-Inġiniera, Malcolm Zammit.