Fl-ewwel seba’ xhur tas-sena kien hemm tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ ċitazzjonijiet li ngħataw. Filwaqt li bejn Jannar u Lulju tas-sena l-oħra ingħataw 243,794 ċitazzjoni din is-sena ingħataw 209,366 ċitazzjoni. Tnaqqis ta’ 34,428 ċitazzjoni fuq is-sena ta’ qabel.
Tagħrif li ppubblika il-ġurnal KullĦadd mill-Aġenżija tal-Infurzar lokali juri li fost l-entitajiet fejn l-iktar li naqsu ċ-ċitazzjonijiet kien hemm dawk tal-gwardjani lokali. Għalkemm iċ-ċifri ppubblikati jinkludu ċitazzjonijiet li ħarġu minn entitajiet oħra bħal Transport Malta u l-pulizija.
L-iktar reġjun fejn jingħataw ċitazzjonijiet huwa dak taċ-Ċentru u jsegwi hemm dak tax-Xlokk. Jidher li l-Għawdxin huma l-iktar bilgħaqal tant li fil-gżira ta’ tliet għoljiet ingħataw biss 6,527 ċitazzjonijiet u jekk noqgħodu fuq dak li nisimgħu mhumiex wieħed u tnejn il-Maltin li jgħamlu parti minn din il-lista.
Kelliem għall-Ministeru tal-Ġustizzja spjega kif dawn iċ-ċifri huma riżultat ta’ riforma li qiegħda temfasizza iktar fuq is-sens komun. “Filwaqt li rridu nżommu sens ta’ dixxiplina fit-toroq tagħha anke minħabba s-sigurtà kienet ilha tidwi l-karba li hemm bżonn sistema iktar ġusta fejn wieħed ikun mgħejjun jifhem li żbalja iktar milli bbażata biss fuq il-kastig. Jidher li mexjin lejn dan il-bilanċ, fejn filwaqt li min jiżbalja b’mod gravi jridi iħallas għal għemilu min kelma tajba tgħamillu l-ġid tingħażel dik it-triq,” qal il-kelliem. Żied li r-riforma ilha fis-seħħ biss disa’ xhur u għalhekk wieħed ikun qed jgħamel analiżi tagħha fi żmien li ġej. Biex wieħed jifhem fejn irid itejjeb u jsaħħaħ.
“Dan se jsir b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsilli Lokali li wara kollox ħadd ma jaf daqshom x’inhuma l-ħtiġijiet tal-lokalità tagħhhom,” temm jgħid kelliem tal-Ministeru.