Mat-tliet mija u erbgħin elf persuna se jkunu qed jirċievu l-voucher ta’ mitt ewro, b’posta reġistrata fil-jiem li ġejjin.
Dan filwaqt li l-Gvern għaddej b’taħdidiet ma’ madwar ħames pajjiżi oħra biex dawn jiżdiedu mad-dsatax-il post diġà mħabbra bħala d-destinazzjonijiet li minn Malta tista’ tivvjaġġa lejhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li tħabbar it-Tnejn li għadda, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li dawk li jaħdmu fis-settur turistiku se jkollhom sajf.
Qalet li dan il-pjan jolqot żewġ binarji, it-turiżmu intern u dak internazzjonali wkoll.
Dwar il-voucher ta’ €100 li se jintbagħat lil kull persuna li għandha aktar minn 16-il sena kien spjegat li €80 minnhom għandhom jintefqu fi stabbilimenti liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li l-€20 li jibqa’ jistgħu jintużaw fi kwalunkwe intrapriża li kellha tagħlaq kawża tal-pandemija, bħal każini, ħwienet tax-xagħar u ħwienet tal-ħwejjeġ fost l-oħrajn.
“Il-voucher se jkollu QR Code li jiġi moqri u jsir trasferiment immedjat mill-kont tal-Gvern għall-kont tal-individwu li jkun qed jagħti s-servizz.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tkellmet fuq kif il-lista ta’ postijiet tista’ titla’ għal erbgħa u għoxrin.
Spjegat kif kien hemm anke pajjiżi li nkludew lil Malta fil-lista ta’ pajjiżi siguri għall-ivvjaġġar wara taħdidiet diplomatiċi mal-Gvern. Aċċennat ukoll li f’każ li s-sitwazzjoni f’pajjiż minnhom tinbidel, Malta se tirtira d-destinazzjoni biex tipproteġi saħħet il-poplu.
“Qegħdin fi sadju avvanzat ħafna li apparti dawk id-19-il destinazzjoni li ħabbarna li fl-1 ta’ Lulju se niftħu lejhom, ikun hemm pajjiżi oħra li jingħaqdu ma’ din il-lista. It-taħdidiet fuq livell diplomatiku ma waqfux, anzi komplew jintensifikaw fil-jiem li għaddew.”
Dwar il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qalet li wara Ġunju għandhom jinfetħu l-ajruporti għall-ivvjaġġar bejn l-istati membri, il-Ministru qalet li pajjiżna huwa attiv f’dawn id-diskussjonijiet u dejjem aġixxa b’mod konkret.
“Fid-deċiżjonijiet kritiċi li nagħlqu l-ajruport, Malta ma stennietx li xi ħadd jagħti sinjal. Bl-istess mod dħalna għal din il-fażi importanti għat-turiżmu. Malta hija attiva f’dawn id-diskussjonijiet u sħaqa li nifħtu skont kunċett ta’ safe corridor, u li nsegwu li qed jiġri warajna.”
Il-Ministru fakkret li d-djalogu dwar dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika wassal għal skemi bħal dik tat-traħħis bin-nofs il-kont tad-dawl tal-intrapriża, li se jolqot mal-20,000 negozju. Fl-istess ħin il-gvern se jagħti rifużjoni lil dawk in-negozji li ħallsu liċenzja għall-operat fl-aħħar sena. 12,000 negozju se jkunu milquta minn din il-miżura, b’9,000 minnhom ikunu marbuta dirett mal-qasam turistiku.