Bejn is-sena 2000 u l-2021, f’Malta ġew djanjostikati 34 tarbija bil-marda rari msejħa (HIRX-SPRUNGS) Hirschprung’s Disease ftit wara li twieldu. Ir-rata tal-frekwenza ta’ din il-marda, li ħafna drabi hi ereditarja, hi ta’ kważi erbgħa minn kull għaxart elef twelid f’pajjiżna, li sfortunatament hi ogħla mir-rata globali.
Din il-kundizzjoni fil-musrana l-kbira hi l-aktar sinonima ma’ trabi u tfal żgħar u hi kkawżata min-nuqqas ta’ żvilupp ta’ ċerti ċelloli li jistimulaw il-proċess naturali fil-ġisem.
Dan iwassal biex jistaġna l-proċess fl-intestini biex jiġi eliminat mill-ġisem il-ħmieġ akkumulat bi problemi ta’ konstipazzjoni u infezzjonijiet sussegwenti li jistgħu jkunu fatali.
Waqt li fil-Parlament wieġeb mistoqsija tad-Deputata Graziella Galea f’dan ir-rigward, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li persuni, li għandhom din il-marda rari, qed jirċievu trattament fl-Isptar Mater Dei, flimkien ma’ mediċini b’xejn fuq il-formularju nazzjonali, permezz tal-Pharmacy Of Your Choice, il-POYC.
Il-Ministru qal li, għal din il-marda, issir djanjożi, li tinkludi bijopsija tar-rektum, u fejn ikun meħtieġ, interventi kirurġiċi, li jibqgħu jiġu segwiti biex tiġi mmaniġġjata l-kontinenza.
Qal li tali mediċini li jingħataw għal din il-kundizzjoni jiġu fil-forom ta’ tablets, mistura jew suppożitorji.