Tard filgħodu l-Ħadd, żewġ missili ballistiċi Russi laqtu ċ-ċentru tal-belt ta’ Sumy fl-Ukrajna u splodew ħdejn l-Università tal-Istat u ċ-Ċentru tal-Kungressi bil-konsegwenza li kien hemm massakru sħiħ b’mijiet ta’ iġsma jitħallew bid-dmija fit-toroq.
Dan l-attakk, li ħalla 34 persuna mejta, inkluż żewġt’itfal, kif ukoll 117 oħra feruti, kien ikkundannat bil-qawwa mill-pajjiżi tal-Punent alleati tal-Ukrajna.
Il-President Amerikan Donald Trump iddeskriva l-attakk bħala wieħed orribbli filwaqt li, mingħajr ma’ daħal f’dettalji, qal li kien infurmat li kienu għamlu żball kbir. Aktar kmieni l-mibgħut speċjali ta’ Trump għall-Ukrajna, il-Logutenent Ġenerali irtirat Keith Kellogg, qal li dan l-attakk kien wieħed li qabeż kull limitu.
Il-Kanċillier Ġermaniż li jmiss, Friedrich Merz, akkuża lir-Russja bi krimini tal-gwerra serju u qal li dan l-attakk juri eżatt xi jfisser għar-Russja li tkun lest għall-paċi. Il-President Franċiż Emmanuel Macron akkuża lir-Russja b’nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja umana, il-liġi internazzjonali u l-isforzi diplomatiċi ta’ Donald Trump.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iddikjarat li r-Russja kienet u għadha l-aggressur bi ksur ċar tal-liġi internazzjonali. Hija żiedet li hemm bżonn ta’ miżuri urġenti sabiex ikun infurzat il-waqfien mill-ġlied u l-Ewropa ser tkompli tappella għall-alleati u tagħmel pressjoni fuq ir-Russja sakemm jieqaf dan it-tixrid tad-demm u jintlaħaq ftehim dejjiemi għall-paċi bil-kundizzjonijet tal-Ukrajna.
Kummenti ta’ kundanna waslu wkoll mingħand il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer kif ukoll mill-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres fejn kien elenkat li attakki fuq nies ċivili u miri ċivili huma pprojbiti bil-liġi umanitarja internazzjonali u tali attakki, iseħħu fejn iseħħu, iridu jieqfu immedjatament.
Ma kien hemm l-ebda dikjarazzjoni uffiċjali dwar l-attakk mir-Russja hekk kif qed jintqal li l-forzi Russi jinsabu qrib fuq il-fruntiera u qed jippreparaw għal offensiva maġġuri.
Dan l-attakk wasal meta suppost l-Istati Uniti qed tinnegozja ftehim ta’ weqfin mill-ġlied u huwa l-agħar wieħed fuq nies ċivili fl-Ukrajna għal din is-sena. Aktar kmieni dan ix-xahar, attakk ieħor bil-missili ħalla 21 persuna mejta u 61 feruti fil-belt ta’ Kryvyi Rih.