Erbgħa u tletin għasfur ta’ speċi differenti dalgħodu ġew ikkonfiskati fil-Furjana wara spezzjonijiet tal-Pulizija mill-Iskwadra Ambjentali l-EPU, u l-Wild Bird Regulation Unit. Dan sar fuq xi bejjiegħa tal-għasafar fis-suq il-miftuħ tal-lokalità.
Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li rriżulta li xi bejjiegħa kienu qed ibigħu speċi t’għasafar mhux permessibbli bil-liġi. Jidher ukoll li żewġ bejjiegħa tal-għasafar kienu qed joperaw mingħajr liċenzja.
Il-Pulizija qalet ukoll li se toħroġ akkużi fil-konfront tal-bejjiegħa, u li l-għasafar li ġew ikkonfiskati ttieħdu minnufih għanf veterinarju appuntat mill-Gvern.
Il-Pulizija għadha għaddejja b’xi investigazzjonijiet.
Kreditu: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.